General

IL-PROĠETT TA’ RIĠENERAZZJONI APPROVAT B’MOD UNANIMU MILL-ASSEMBLEA ĠENERALI TAL-MALTA FA

Published: 15-04-2026 19:30
Untitled-3_4.jpg
Untitled-2_2.jpg
Untitled-5_1.jpg
Untitled-2-2_3.jpg
This article is also available in English.

Il-proġett biex jiġu riġenerati l-faċilitajiet tal-Malta FA f’Ta’ Qali ġie approvat unanimament mill-Assemblea Ġenerali, li saret nhar l-Erbgħa filgħaxija fis-Centenary Hall.

Żviluppat wara proċess estensiv ta’ konsultazzjoni li jinvolvi kemm partijiet interessati interni kif ukoll esterni, il-pjan ewlieni jipproponi approċċ strutturat għal investiment infrastrutturali fuq skala kbira li se jittrasforma l-preżenza tal-Assoċjazzjoni f’ċentru kompletament konness taħt l-isem Belt tal-Football Ta’ Qali.

Il-viċi-president tal-Malta FA,  kif ukoll president tal-kumitat għall-modernizzazzjoni tal-Istadium Nazzjonali, Matthew Paris, ippreżenta l-elementi ewlenin tal-proġett, li jdur madwar tliet pilastri strateġiċi:

- Rikostruzzjoni parzjali u modernizzazzjoni tal-Istadium Nazzjonali u ż-żoni tal-madwar.
- Espansjoni tal-kapaċità tal-ispettaturi tas-Centenary Stadium, flimkien ma’ titjib addizzjonali.
- Kostruzzjoni ta’ stadium kompatt ġdid iddedikat għall-football tal-Youths, kemm għall-kategoriji tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.

Waqt li rrifletta fuq xi wħud mill-aktar mumenti ikoniċi mill-inawgurazzjoni tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali fl-1980, Dr Paris enfasizza l-ħtieġa għal titjib komprensiv tal-post bħala parti minn viżjoni usa’ ta’ żvilupp.

“L-istruttura teħtieġ investiment imġedded b’mod urġenti,” sostna Dr Paris lill-Assemblea Ġenerali.

“Filwaqt li l-istadium ikompli jissodisfa r-rekwiżiti bażiċi tal-football Malti, jeħtieġ b’mod urġenti modernizzazzjoni biex ikun allinjat mal-livelli  u l-aspettattivi tal-lum.

“Matul is-snin, saru titjib importanti – inkluż il-kostruzzjoni tal- Millennium Stand 25 sena ilu u l-installazzjoni ta’ pitch bit-turf hybrid fl-2016.

“Madankollu, il-ko­bor tal-investiment meħtieġ issa huwa ferm akbar.”

“Hemm kunsens qawwi li wasal iż-żmien biex il-Malta FA tinvesti fid-dar tagħha stess, wara snin tappoġġja u ssostni l-proġetti infrastrutturali tal-assoċjazzjonijiet affiljati tagħha.”

Wara l-mandat mogħti mill-Assemblea Ġenerali, l-ewwel wieħed għal din is-sena, l-MFA issa se tipproċedi għall-fażijiet ewlenin li jmiss tal-proġett:

- Estensjoni tat-titlu legali għall-faċilitajiet ta’ Ta’ Qali minn 20 għal 65 sena, bl-appoġġ ta’ SportMalta.
- Preżentazzjoni formali tal-pro­ġett lill-Gvern u lill-Parlament.
- Involviment ta’ esperti tekniċi, inklużi konsulenti legali, periti, inġiniera, u konsulenti oħra.
- Strutturar u assigurazzjoni tal-finanzjament tal-proġett.
- Twaqqif tal-Fondazzjoni Ta’ Qali.

Dan il-proġett trasformattiv għall-isport Malti rċieva l-approvazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, bit-tnejn jiktbu messaġġi ta’ appoġġ fil-pubblikazzjoni li timmarka t-tnedija uffiċjali ta’ dan il-proġett.

PUBLIKAZZJONI

BELT TAL-FOOTBALL TA’ QALI
Il-komponenti ewlenin għal dan l-iżvilupp

Il-pjan ewlieni huwa ċċentrat madwar il-proġetti ewlenin li ġejjin:

STADIUM NAZZJONALI
Rikostruzzjoni parzjali inklużi tliet stands ġodda (fin-nofsinhar, fit-tramuntana u fil-punent), ikkumplimentati minn arena tal-futsal, lukanda sportiva, ħwienet kummerċjali, u kumditajiet relatati, kif ukoll titjib fil-Millenium Stand u ż-żoni tal-madwar.

CENTENARY STADIUM
Espansjoni tal-kapaċità tal-ispettaturi għal madwar 2,500 siġġu, flimkien ma’ aktar titjib fil-faċilitajiet.

STADIUM ĠDID TAL-YOUTHS
Żvilupp ta’ stadium b’2,000 siġġu fuq is-sit attwali tal-parkeġġ tal-istand tal-punent, appoġġjat minn parkeġġ ġdid b’kapaċità ta’ madwar 300 vettura.

ĊENTRU NAZZJONALI TAL-FOOTBALL
Installazzjoni ta’ faċilitajiet iddedikati għall-beach soccer.