General
General Assembly - October 2023 - President Speech
Published: 31-10-2023 19:41

Diskors tal-President Bjorn Vassallo waqt l-Assemblea Generali ta' Novembru 2023
Ftit tal-minuti ilu rajna numru ta’ inizjattivi li waslu mill-ideat imressqa quddiemkom fl-2019, fejn konna bdejna naħsbu kif se nirriġeneraw il- futbol tagħna għall-futur. Fil-verità mis-sajf tas-sena 2019 għaddew biss 4 snin, u minn dakinhar fid-dinja seħħew u għadhom iseħħu okkorrenzi bla preċedent li affettwaw bil-kbir il-ħajja tagħna, il-familji tagħna, ix-xogħol tagħna, il-passatempi tagħna u kif ukoll affetwawlna l-futbol li huwa parti essenzjali minn ħajjitna.
Iżda għalkemm kienu żminijiet ta’ sfidi, f’mumenti minnhom anki estremi li żgur ma staqsejniex għalihom, u oħrajn li għadhom jippersistu anke preżentament bl-inflazzjoni li laqtet lil kulħadd, l-MFA u l-membri tagħha ma qagħdux iħarsu, anzi ġbidna ħabel wieħed, żammejna s-sistema fuq saqajha u għaddejja u llum għadna hawn nikkollaboraw flimkien bl-għan li nilħqu l-objettivi strateġiċi biex naraw il-logħba domestika tiżviluppa dejjem aktar.
F’dawn l-4 snin varajna ħidma intensiva fuq numru ta’ aspetti. Stajna naqbdu dan il-perkors għaliex iffissajna programm strateġiku u allura quddiemna kellna numru ta’ proġetti li matul dan il-mandat tawna d- direzzjoni awtomatika fuq xiex ridna ninvestu l-ħin, ir-riżorsi u l-flus tagħna. Importanti nifhmu, għaliex kultant ninsew, li dan ma sarx biex l- MFA f’Ta’ Qali tikber fis-solitarju, imma sar b’kollaborazzjoni bilaterali permezz ta’ diskussjoni u djalogu, fejn il-klabbs membri u l-assoċjazzjonijiet membri, kienu parteċipi mill-bidu sal-aħħar u jekk kbirna, li personalment inħoss li kbirna, dan għamilnieh flimkien.
U dak kollu li wettqet u għad trid twettaq din l-amministrazzjoni, kien propju dak li intom għoġobkom tivvutaw għalih, għalhekk l- implimentazzjoni ma kienet xejn ħlief dak li qbilna fuqu fl-istrutturi interni tagħna.

L-MFA tal-lum topera fuq dik il-materja li ddeċidejna li hija ta’ ġid għall- futbol Malti u Għawdxi. Jien u sħabi hekk għadna nemmnu, li dak li sar u dak li għadu qed isir u jrid isir, u propju dak li se jagħtina qafas ta’ solidità u sostenibbilità f’dak kollu li qed nibnu fil-mudell ta’ kif jitmexxa u jopera l-futbol f’pajjiżna.
Iva għamilna bidliet radikali. Ċirkostanzi li kienu ilhom magħna għexieren ta’ snin, jintirtu minn president għall-ieħor. Saħansitra rrid nirrikonoxxi li wħud minnhom ma kinux wisq popolari u li tellfuni ftit mir-relazzjoni li kelli ma xi wħud, iżda dan mhux dwari personali, iżda, dwar il-bżonn li kellha bżonn is-sistema, tant biex nissalvagwardjaw u nissimplifikaw l- operat kalċistiku f’kull livell, kemm bħala amministrazzjoni, kif ukoll bħala klabbs u anki fil-livell rikrejattiv u ta’ responsabbiltà soċjali.
U meta tqis kemm irnexxielna nwasslu proġetti u riformi, kemm ħloqna opportunitajiet għalikom, kemm assistejna finanzjarjament u kemm rajna entużjażmu min-naħa tagħkom lejn il-ħidma tagħna... bilfors ikolli nistqarr li dawn l-4 snin li għaddew għalija fit-tmexxija, u naħseb għall-kollegi uffiċjali hawn preżenti wkoll... dan il-mandat li ġej fi tmiemu f’inqas minn 6 xhur oħra nqisu bħala wieħed ferm pożittiv u li wriena prattiċi u tana perspettiva differenti ta’ kif għandu jkun l-approċċ lejn il-logħba fil-futur. Fadal fejn insaħħu u ntejbu... iva fadal ħafna, iżda l-perkors qbadnieh u sodisfatt b’dak li rnexxielna niffinalizzaw.
Meta kont ġejt elett, dejjem tkellimt fuq strateġija maqsuma fi tnejn, waħda għaż-żmien qasir li tkopri l-ewwel mandat u oħra b’ kontinwazzjoni tagħha bi proġetti long-term. Allura aktar milli fl-amministrattiv, fir- regolatorju jew fil-governanza, l-idea hi dik li nidħlu għal numru ta’ inizzjattivi li jsaħħulna l-pożizzjoni tagħna b’mod kwalitattiv fil-proġett tekniku permezz ta’ riforma fis-settur tan-nurseries, li ninċentivaw lill- Kampjonat Premier fil-livell kummerċjali permezz tas-semi-privatizzazzjoni, li nħarsu lejn aktar assistenza teknoloġika biex nassistu l-logħba milgħuba, li nagħtu esperjenza ġdida lill-partitarji tagħna u vijabbilità finanzjarja u sostenibbli permezz tal-bini ta’ stadium ġdid flok dak li għandna u li għalkemm inżommuh f’żamma tajba, m’għadux funzjonali għall-ħtiġijiet tal-lum, u fuq dan kollu li nibdew mhux biss nipparteċipaw imma wkoll nirbħu dak li nemmnu nistgħu nilħqu fuq livell kompetittiv kemm bit-timijiet nazzjonali tagħna u kif ukoll fuq livell ta’ klabbs fl-isfera internazzjonali.
Fuq dan l-aħħar punt, nixtieq naqsam magħkom il-ħsieb tiegħi, biex tkun tafu kif naħsibha dwar il-kritika kostruttiva u l-kwalità li nippossjedu fil- livell tal-irġiel. Forsi l-aspettattiva kibret b’mod awtomatiku għaliex veru huwa minnu li fl-aħħar tliet snin rajna ħafna logħob pożittiv, offensiv u ħloqna identità ta’ futbol li għaliha l-plejers tagħna rrispondew tajjeb. Iżda meta tqis li dan il-proġett ilu li beda biss 3 snin, allura wieħed irid bilfors jillimita ruħu fil-mod kif jesprimi ċertu diżappunt meta l-affarijiet ma jmorrux kif mistenni.
U x’kien mistenni minn dan il-grupp diffiċli li t-tim nazzjonali tela’ fih? Kien mistenni li naraw f’pajjiżna timijiet kbar bħall-Ingilterra, l-Italja u l-Ukrajna. Kien mistenni li n-nies jattendu bi ħġarhom u noħolqu avvenimenti sportiv sbieħ kif għamilna. Li mmorru nilagħbu quddiem folol kbar, u li nħossu l- emozzjoni meta nirfsu fit-tempju ta’ Wembley. Mil-lat tekniku kien mistenni li t-tim nazzjonali jipprepara bis-sħiħ u jaqta’ figura tajba u li fuq kollox il-kowċis u l-plejers tagħna jieħdu esperjenza minn dawn il-logħbiet li għandha tiswina fis-sena l-ġdida meta l-avversarji jkunu aktar tamparna u fejn it-tim nazzjonali Malti jista’ jesprimi l-potenzjal tiegħu mingħajr pressjoni.
Żgur ma kienx mistenni li wara 3 snin minn mindu beda l-proġett tekniku, konna se nagħmlu dak li għamlu 20 sena qabilna, l-Iżlanda, il-Fillandja u l- Lussemburgu, billi daħlu fis-sistema edukattiva nazzjonali, billi rriformaw in-nurseries tagħhom, esportaw it-talent, saħħew il-player welfare, ħadmu mudell korporattiva differenti u lista ta’ innovitajiet għall-futbol tagħhom li llum tawhom raġun fuq il-pitch. Dawn huma l-istess objettivi li ffissajna aħna fl-2019 u li qed ikunu implimentati u li wħud minnhom għadhom se jsibu posthom fid-dokument strateġiku l-ġdid li se jkopri mis-sena 2025 sa tmiem il-mandat il-ġdid.
Meta tkellimt u għidt li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni imma kulħadd irid iżomm postu u kien hawn min ipprova jipprovoka jew jirridikola d-dikjarazzjoni tiegħi, fosthom individwi f’numri żgħar, li għandhom id-dmir li jedukaw lill-pubbliku sportiv u mhux jispekulaw aktar mill-partitarji, kont qed nirreferi għall-fatt li jekk kulħadd jispara bla direzzjoni, mingħajr ma jagħmel analiżi fattwali... minnflok nimxu ’l quddiem, inkunu qed noħolqu konfużjoni medjatika li ma tagħmel ġid lil ħadd.
Għalhekk il-messaġġ tiegħi huwa wieħed u ċar... ejjew nibqgħu nikkollaboraw flimkien, intom is-saħħa ta’ din l-ekosistema, li matul l-aħħar snin waslet għal kisbiet importanti u nkomplu nħallu l-objettivi strateġiċi jiggwidawna biex niżviluppaw dejjem aktar il-logħba tagħna mill-grassroots sal-livell elite. Hemm bżonn inkunu paċenzjużi u reżiljenti. Fil-futbol meta ta’ kontrik ikollhom aktar kwalità minnek, jirbħulek, għalhekk ma nippretendux li billi nsabbtu saqajna se nsolvu d-distakk fil-livell. Insolvuh biss jekk nibqgħu naħdmu bl-umilità u nsegwu lill-professjonisti li qed imexxuna.
Fil-futbol femminili bħalissa qed nagħtu prestazzjonijiet u nġibu riżultati tajbin. Propju bħalissa n-nisa tagħna qed jilagħbu partita oħra ta’ kwalifikazzjoni f’Andorra. Ma waslux s’hawn b’kumbinazzjoni, waslu għax qed jilagħbu kontra avversarji tal-istess kapaċitajiet u għax nippossjedu l-kwalità u għax qed jaħdmu bis-sħiħ taħt direzzjoni professjonali. L-isbaħ aspett jibqa’ dak li tirbaħ fil-livell kompetittiv għaliex għalhekk nikkompetu, iżda ma rridux ninsew li l-akbar investiment irid jibqa’ fil-parti t’isfel, fil-pathway li twassal liż-żgħażagħ tagħna biex jikbru fi plejers għall-futur.
Irrid nirrimarka wkoll li grazzi għall-gvern ċentrali u għal dawk li jilleġiżlaw f’pajjiżna, fl-aħħar snin waslu numru ta’ għajnuniet, kemm f’forma ta’ sussidji finanzjarji, inċentivi varji u anke investimenti fl-infrastruttura f’Ta’ Qali u fiċ-ċentri mħaddma mill-klabbs tagħna. Dawn waslu għaliex meta wrejna n-numri, il-figuri, ir-ritorn soċjali, il-viżibbilità, l-għaqda u l- motivazzjoni biex inkomplu nikbru... il-futbol ingħata l-fiduċja li jixraqlu.
U kif semmejt il-fiduċja, jien ukoll bħala President li ninsab fi tmiem tal- leġislatura fit-tmexxija tal-MFA, se nkun qed nersaq quddiemkom f’Marzu li ġej biex nitlobkom il-fiduċja mill-ġdid u s-sostenn biex dak li bdejna flimkien fl-2019 inkomplu nagħtuh kontinwità sas-sena 2028. Għaldaqstant il-lejla qiegħed inħabbar, propju hawnhekk fid-dar tagħna tal-futbol, li se nerġa’ nikkontesta għall-mandat ġdid ta’ 4 snin fil-pożizzjoni ta’ President tal-MFA, liema Assemblea Ġenerali elettiva se tinżamm fil-15 ta’ Marzu li ġej.
Għalija minn issa sal-elezzjoni, li se tara wkoll għall-ewwel darba, tiġi eletta mara fil-pożizzjoni ta’ Viċi President, dawn se jkunu xhur ta’ ħidma normali mingħajr ma’ nintilfu f’election mode. Dan biex l-Assoċjazzjoni tibqa’ topera b’mod normali, anke minħabba li għall-ewwel darba wkoll, il-laqgħa elettiva ġejja f’nofs staġun kalċistiku u għalhekk l-akbar fokus għandu jibqa’ fuq il-ħidma amministrattiva u fuq l-esiġenzi tal-kompetizzjonijiet u mhux fuq il-politika li l-elezzjonijiet iġibu magħhom.
Jien se nkun qiegħed niltaqa’ magħkom f’perjodu fil-bidu tas-sena l-ġdida biex nispjegalkom fid-dettal dak li se nkunu qegħdin inkomplu naħdmu fuqu fis-snin li ġejjin, filwaqt li s-Segretarju Ġenerali se jkun qed jinnotifikakom bid-dettalji tal-Assemblea sa minn xahar qabel hekk kif jistipulaw ir-regolamenti.
Naħseb tkellimt biżżejjed, nagħlaq billi nirringrazzjakom kollha tal- parteċipazzjoni tagħkom matul dan l-ewwel mandat tiegħi bħala President u nitlobkom tibqgħu fiduċjużi li dak li qegħdin inwettqu flimkien, huwa dak li għada pit’għada għandu jagħmilna kburin kemm fuq livell internazzjonali, dak nazzjonali u kif ukoll fuq livelll lokali fl-irħula u l-ibliet madwar Malta u Għawdex.
Grazzi minn qalbi, tislijiet lill-familja magħquda tal-futbol u nawguralkom is-serata t-tajba.
Bjorn Vassallo
Assemblea Ġenerali Ottubru 2023