General

Ir-Referee tal-FIFA Ishmael Barbara b'impenn fil-kampjonat Ewropew ta' taħt il-21 sena

Published: 11-06-2025 10:58
Ishmael Barbara.jpg
This article is also available in English.

Il-Malta FA b’sodisfazzjon ħabbret il-ħatra prestiġjuża tar-Referee tal-FIFA Ishmael Barbara bħala r-Raba’ Uffiċjal għat-tournament finali tal-Kampjonat Ewropew 2025 ta’ Taħt il-21 Sena li se jsir fis-Slovakkja, mill-11 sat-28 ta’ Ġunju.

Din il-ħatra timmarka kisba sinjifikanti kemm għal Ishmael kif ukoll għar-refereeing Malti, minħabba li tirrappreżenta ritorn għall-ogħla livelli tal-kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ tal-UEFA wara assenza twila. L-aħħar impenn Malti f’dan l-istadju kien ħafna snin ilu, b’assistant referee jipparteċipa f’edizzjoni preċedenti ta’ dan it-tournament elite.

It-tournament  finali jinkludi 16-il team nazzjonali maqsuma f’erba’ gruppi, li juru l-aktar talenti brillanti tal-football tal-Ewropa.

L-għażla ta’ Ishmael issegwi l-parteċipazzjoni b’suċċess tiegħu fit-Tournament Finali tal-UEFA ta’ Taħt id-19 Sena tas-sena l-oħra, kif ukoll il-monitoraġġ kontinwu tal-UEFA tal-prestazzjonijiet pożittivi tiegħu kemm fil-livelli internazzjonali kif ukoll domestiċi. Bi tħejjija għall-EURO ta’ Taħt il-21 Sena, kellu wkoll jgħaddi minn sensiliet ta’ testijiet fiżiċi impenjattivi u programmi ta’ saħħa fiżika, biex jiżgura li laħaq il-livelli għoljin meħtieġa għal dan l-avveniment ewlieni tal-UEFA.

Bħalissa, Ishmael jinsab fis-Slovakkja flimkien ma’ referees internazzjonali kollegi bħala parti mill-aħħar tħejjijiet qabel il-bidu tournament, nhar l-Erbgħa.

L-ewwel inkarigu tiegħu se jkun bħala r-Raba’ Uffiċjal fil-logħba ta’ Grupp B, bejn il-Ġermanja u s-Slovenja, skedata għall-Ħamis 12 ta’ Ġunju fid-9.00 pm, li tintlagħab f’Nitra Stadium. Il-logħba se tkun ikkontrollata minn  Jakob Alexander Sundberg (Danimarka), assistit mill-kompatrijotti tiegħu Viktor Skytte u Deniz Yurdakul. Jonas Hansen (Danimarka) u Jan Boterberg (Belġju) se joperaw bħala VAR u AVAR, rispettivament.

Din il-ħatra tirrifletti l-investiment kontinwu tal-Malta FA fl-iżvilupp tar-referees u l-impenn tagħha li tara uffiċjali lokali jeċċellaw fix-xena internazzjonali.

L-MFA awgurat lil Ishmael l-isbaħ xewqat f’dan l-inkarigu prestiġjuż waqt li tħares ‘il quddiem biex tara r-referees Maltin ikomplu jkollhom sehem importanti fil-football Ewropew.