General

INVESTIMENT U APPOĠĠ KONTINWU GĦALL-CLUBS U L-ASSOĊJAZZJONIJIET MEMBRI

Published: 16-10-2025 19:15
DSCF5466_1.jpg
DSCF5417_2.jpg
DSCF5289_4.jpg
DSCF5254_6.jpg
DSCF5266_2.jpg
DSCF5283_5.jpg
DSCF5422_3.jpg
This article is also available in English.

Matul it-Tielet Assemblea Ġene­rali Ordinarja tal-2025, il-Malta Football Association (MFA) enfasizzat l-investiment kontinwu fi clubs u assoċjazzjonijiet membri, filwaqt li rriflettiet ukoll fuq l-avvenimenti importanti li markaw iċ-ċelebraz­zjonijiet kontinwi tal-125 anniversarju tal-Assoċjazzjoni.

L-avveniment sar fis-Centenary Hall, f’Ta’ Qali, nhar il-Ħamis 16 ta’ Ottubru, 2025.

Preżenti għall-Assemblea Ġene­rali kien hemm il-HatTrick Mana­ger Anzjana tal-UEFA, Valentina Mercolli, u l-Koordinatur tal-Assoċjazzjonijiet Membri tal-FIFA, Marco Ferri, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti, Kevin Azzopardi.

Waqt id-diskors tagħha, is-Sinjura Mercolli enfasizzat il-kalendarju estensiv ta’ attivitajiet li saru matul is-sena, b’mod partikolari l-ftuħ taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football, li ddeskrivitha bħala faċilità mo­derna ta’ livell għoli, flimkien mal-Kors tat-Taħriġ tal-Istewards tal-UEFA li sar fl-istess ġimgħa. Hija rrimarkat li l-football f’Malta kiber b’mod kostanti grazzi għall-investiment tal-Malta FA, dejjem bil-għan li l-isport isir aktar aċċessibbli għal kulħadd.

Is-Sur Ferri enfasizza r-relaz­zjoni tajba u stabbli bejn il-Malta FA u l-FIFA matul is-snin. Huwa wkoll irrimarka s-sena importanti li għadha kemm iċċelebrat l-Assoċjazzjoni, li fost oħrajn inkludiet il-ftuħ tal-ewwel pitch tal-FIFA Arena f’Malta fil-Maria Regina College Primary, f’San Pawl il-Baħar, ix-xahar li għadda.

DISTRIBUZZJONI TA’ FONDI  U BENEFIĊĊJI ADDIZZJONALI

Matul l-Assemblea Ġenerali, il-viċi-president tal-Malta FA, Dr Matthew Paris, ta spjegazzjoni dwar il-fondi li se jiġu mqassma fost il-kampjonati u l-assoċjazzjo­ni­jiet differenti.

Il-programm ta’ finanzjament tal-Malta FA jindirizza diversi ka­tegoriji fil-familja tal-football Malti, jiġifieri l-Premier League, il-Challenge League, il-Kampjonati Amateurs, il-Kampjonati tan-Nisa, il-Futsal u l-Beach Soccer, kif ukoll l-Assoċjazzjonijiet Membri.

Barra minn hekk, il-clubs u l-assoċjazzjonijiet membri rispettivi diġà qed jibbenefikaw minn għaj­nuna biex jiġu installati sistemi  ġodda ta’ dwal, promozzjoni mtejba mill-media, l-installar mill-ġdid tal-pitch taċ-Centenary Stadium — li tlesta ftit xhur ilu — skemi ta’ biljetti staġjonali, u inċentivi oħra essenzjali.

Dawn il-benefiċċji kienu ġew diskussi mal-clubs u l-assoċjazzjo­nijiet matul laqgħat li saru aktar kmieni din is-sena.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Malta FA ħabbret ukoll li ffirmat Memorandum ta’ Ftehim mal-Bank of Valletta plc (BOV) dwar id-drittijiet ta’ sponsor ta’ tmien kompetizzjonijiet tal-Assoċjazzjonijiet Membri.

L-Avukat Paris irrimarka li l-Malta FA investiet b’mod sostanzjali fil-clubs u l-assoċjazzjonijiet membri tagħha, u se tkompli tagħmel dan, billi enfasizza l-importanza tagħhom bħala partijiet interessati fil-football Malti.

Il-president tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, iddikjara li permezz tal-istrateġija l-ġdida tal-Assoċjaz­zjoni, il-Malta FA se tkompli tilħaq l-għanijiet tagħha għall-aħjar inte­ress tal-logħba, tal-membri tagħha, u ta’ dawk li jsegwuha.

Ġie mħabbar ukoll li ntlaħaq ftehim fil-prinċipju dwar il-ħlasi­jiet ta’ solidarjetà li kienu qed jitqas­smu liż-żgħażagħ u lin-nurseries, li kienu ġew sospiżi apparti dawk lill-clubs tal-Premier League. Dawn se jkomplu jitqassmu wara li l-Malta FA ħadmet fuq ftehim li se jiġi finalizzat sal-aħħar tas-sena. Dan il-ftehim se jiżgura li dawn il-fondi jibqgħu jitqassmu wkoll għat-tliet snin li ġejjin.

L-AVVENIMENTI TAL-125 ANNIVERSARJU

Waqt l-Assemblea Ġenerali, il- president tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, rrifletta fuq il-kalendarju ta’ attivitajiet li saru s’issa din is-sena bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-125 anniversarju tal-Assoċjaz­zjoni.

L-attivitajiet organizzati matul din is-sena ta’ importanza kienu mfassla biex jinvolvu l-komunità kollha u jiċċelebraw dan l-anniversarju. Fosthom kien hemm l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football fil-ground tat-taħriġ tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali, l-avvenimenti Street Football in the City, żjarat fl-iskejjel minn players tat-team nazzjonali, it-tnedija tal-kit limitat tat-timijiet nazzjonali, u l-Jubilee Cup tal-Malta FA.

Kif kien imħabbar lura f’Marzu, l-attivitajiet iffukaw fuq temi ewlenin ta’ responsabbiltà soċjali u inklużjoni, bil-Malta FA tuża l-football bħala mezz biex tkompli tħeġġeġ l-għaqda. L-inklużjoni kienet fiċ-ċentru tal-attivitajiet ta’ qabel il-partita għat-tfal li saru qabel il-logħba ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026 bejn Malta u l-Olanda, fl-Istadium Nazzjonali.

Dawn l-avvenimenti kollha se jilħqu l-qofol tagħhom fit-8 ta’ Diċembru 2025, meta jsiru l-finali kemm tal-edizzjoni tal-irġiel kif ukoll tan-nisa tal-Jubilee Cup, bl-appoġġ ta’ Enemed.

“Din is-sena kienet immarkata mill-125 anniversarju mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni, avveniment importanti għall-Malta FA li ċċelebrajnieh bl-aħjar mod possibbli. U għad hemm aktar avvenimenti li ġejjin,” temm jgħid il-president Vassallo.