Competitions

VALLETTA JIRBĦU L-MALTA FA JUBILEE CUP F’KONFRONT MEMORABBLI

Published: 08-12-2025 19:49
VLTSLM-26_2.jpg
WhatsApp Image 2025-12-08 at 17.43.51_353d24a7.jpg
WhatsApp Image 2025-12-08 at 17.43.52_7082b17b.jpg
WhatsApp Image 2025-12-08 at 17.43.52_870d9b23.jpg
WhatsApp Image 2025-12-08 at 17.43.51_a995a622.jpg
VLTSLM-19_2.jpg
VLTSLM-20_3.jpg
VLTSLM-21_4.jpg
VLTSLM-23_6.jpg
This article is also available in English.

MALTA FA JUBILEE CUP
FINAL
08.12.2025
Stadium Nazzjonali, Ta' Qali

SLIEMA WANDERERS...1
VALLETTA...3

30' Yuri De Jesus Messias, 77' Yuri De Jesus Messias, 83' Brandon Diego Paiber (V), 86' Jose Fernando Gomes Junior (S)

Wara 72 logħba fid-diviżjoni tal-irġiel, il-Malta FA Jubilee Cup sponsorjata minn Enemed ġiet fi tmiemha t-Tnejn filgħaxija b’mod spettakolari, b’Valletta jegħlbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 3-1 fil-finali. Kienet rebħa meritata għall-Beltin li, wara li qattgħu staġun fit-tieni livell tal-piramida tal-football Malti, issa huma lura fost l-aqwa timijiet f’pajjiżna.

Il-Wanderers waslu sal-finali wara li għelbu lil St Andrews bil-penalties fl-ewwel round, segwita minn rebħiet kontra Birkirkara (3-2) u Mosta (2-0), filwaqt li l-Erbgħa li għadda Sliema għelbu lil Zabbar St Patrick, ukoll wara l-penalties. Valletta għelbu lil Tarxien Rainbows fis-Semi Finali l-oħra (2-0), lil Melita (1-0) u lil Mġarr United (4-0) fl-ewwel żewġ rounds, segwiti minn rebħa ta’ 2-0 fuq iċ-champions Ħamrun Spartans fil-Kwarti-Finali.

Filwaqt li l-Blues fetħu bl-istess ħdax-il player tas-Semi Finali kontra Zabbar, il-coach ta’ Valletta Thane Micallef bidel żewġ players fil-formazzjoni tiegħu: id-difensur ċentrali Emmanuel Mbende beda minflok is-sospiż  Neil Micallef, filwaqt li Zachary Cassar daħal minflok Evandro Gomes bħala wing-back xellugi aktar offensiv.

L-ewwel minuti raw lit-timijiet jeżaminaw lil xulxin, b’Roko Prsa jipproduċi l-ewwel xutt fit-13-il minuta, bil-goalkeeper ta’ Valletta, Maringa, isalva faċilment. Erba’ minuti wara fuq in-naħa l-oħra, Yuri xeħet lejn Andrea Zammit fuq ix-xellug b’Rashed Al Tumi jimblokka b’diffikultà ix-xutt tal-player internazzjonali Malti. Fl-20 minuta, tentattiv ta’ Yuri mid-distanza għadda ftit barra wara li rċieva mingħand Shaft Brewer, li ftit sekondi qabel kien ħoloq il-periklu fuq il-lemin.

Valletta marru fil-vantaġġ wara nofs siegħa logħob. Steve Borg interċetta pass ta’ Adam Magri Overend fil-kaxxa ta’ Valletta u beda ġirja impressjonanti fuq ix-xellug, qabel ma qassam lejn Yuri ftit barra l-kaxxa ta’ Sliema. Dan tal-aħħar qabeż lil Murilo Freire u b’xutt fil-baxx xeħet fir-rokna tax-xibka.

Ftit wara, il-coach ta’ Sliema Paul Zammit uża l-ewwel FVS meta Prsa allegatament twaqqa’ fil-kaxxa, iżda wara r-reviżjoni, kien deċiż li dan kien f’pożizzjoni ta’ offside. Sliema żiedu l-pressjoni u fl-42 minuta, Magri Overend qabad ballun ftit barra l-kaxxa u venven xutt li spiċċa barra.

Tliet minuti wara,  Miguel Baggio ttestja lil Maringa b’xutt b’saħħtu mid-distanza li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper Brażiljan.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Sliema heddew iżda kien Yuri li ħela żewġ ċansijiet tajbin, b’mod speċjali t-tieni wieħed, opportunità tad-deheb biex jagħlaq il-logħba wara pass perfett ta’ Andrea Zammit, iżda l-Brażiljan falla l-konklużjoni.

Fis-65 minuta, Maringa ssejjaħ fl-azzjoni, din id-darba fuq xutt qawwi ta’ Magri Overend. Ftit wara, fuq in-naħa l-oħra, żball ta’ clearance ta’ Al Tumi ħoloq periklu fil-kaxxa ta’ Sliema, iżda kemm Yuri kif ukoll Yannick Yankam fallew milli jirdoppjaw.

Fl-aħħar kwarta, Valletta ngħataw penalty wara azzjoni ta’ free-kick, meta Sava Radic inżamm minn Bah fil-kaxxa. Minkejja r-reviżjoni tal-FVS, id-deċiżjoni baqgħet u Yuri bagħat lil Al Tumi ħażin biex għamel it-2-0.

Fit-83 minuta, il-captain ta’ Valletta Brandon Paiber għalaq il-logħba b’xutt mill-free-kick eċċellenti li spiċċa fir-rokna ta’ fuq tal-lasta.

Fit-86 minuta, il-Blues reġgħu sabu ftit tama meta s-sostitut Fernandinho għadda minn diversi players ta’ Valletta fil-kaxxa, u għeleb lil Maringa b’xutt b’siequ x-xellugija li kien l-ewwel goal li sofrew Valletta f’din il-kompetizzjoni. Iżda kien tard wisq għal Sliema, b’Valletta jamministraw il-vantaġġ bil-kumdità u jerġgħu jirbħu kompetizzjoni tal-anniversarji wara li rebħu l-National League Anniversary Cup fl-2010, il-Centenary Cup fl-2000 u l-prestiġjuża Malta Cup fl-1943.