Competitions

SWIEQI JIRBĦU L-ASSIKURA SUPER CUP TAN-NISA GĦAT-TIENI DARBA

Published: 07-09-2025 21:02
Swieqi United winning their second consecutive Women's Super Cup - (c) Jonathan Caruana - Malta FA
This article is also available in English.

SWIEQI UNITED 3

Abdulai 20’, Saliba 38’, 59’

MĠARR UNITED 0

SWIEQI UNITED
P. Araujo; V. Rapa, S. Urpani (86’ J. Schembri), E. Xuereb, S. Abdulai, A. Yaneva (69’ E. Micallef), S. Zammit, T. Falzon (80’ M. Conti), A. Kricak, M. Cachia (86’ Y, Azzopardi), S. Saliba.  Coach:  Dorianne Theuma.

MĠARR UNITED
G. D’Antuono; A. Camilleri, A. Villegas, M. Debono, Y. Carella, L. Cefai, V. Villegas, Y. Mendez, M. Hernandez, R. Bajada (74’ K. Abela Sciberras), A. Grech.  Coach: Ryan Vella.

Referee: Luca Grech.

Ammoniti: Yaneva 56’ (S); Camilleri 39’,  A. Villegas 54’,  Mendez 73’, Debono 81’ (M).
Karti Ħomor: Carella 48’, A. Villegas 86’, S. Camilleri 86’ (M).

B’wirja dominanti, Swieqi United kisbu t-tieni titlu konsekuttiv tas-Super Cup. L-Owls, rebbieħa tal-kampjonat tan-nisa tal-istaġun li għadda, għelbu lil Mġarr United bl-iskor ta’ 3-0 liema goals waslu tnejn fl-ewwel taqsima u ieħor wara l-mistrieħ. 

Il-Greens, li rebħu l-ewwel unur tan-nisa tagħhom fl-istaġun li għadda fil-kompetizzjonijiet domestiċi, temmew il-logħba b’disa’ players wara żewġ karti ħomor fit-tieni taqsima.

Iż-żewġ timijiet ħarġu b’formazzjonijiet b’saħħithom. Swieqi United taw lil Sarah Urpani post fil-formazzjoni inizjali filwaqt li Jade Schembri kellha tikkuntenta fuq il-bank tas-sostituti,  waqt li Mġarr United laqgħu lura lill-attakkanta Arġentina, Maria Hernandez, u Giulia D’Antuono ngħatat ir-responsabbiltá bejn il-lasti. 

Kienu Swieqi li heddew l-ewwel meta xutt ta’ Salamatu Abdulai ġie mblukkat minn D’Antuono, qabel ma Mġarr fallew ċans tad-deheb meta Valeria Villegas naqset milli tikkonverti mill-qrib. L-Owls komplew jippersistu, b’Sara Saliba tittestja lil D’Antuono mill-viċin, iżda l-goalkeeper kienet attenta.

Il-goal wasal fl-20 minuta meta Abdulai għelbet lid-difensura diretta tagħhom u b’xutt mill-viċin xeħtet fix-xibka. 

Swieqi kważi rdoppjaw il-vantaġġ ftit wara meta Saliba approfittat minn żball difensiv, iżda ġiet mċaħħda mil-lasta. Ir-reazzjoni ta’ Mġarr waslet minn Yulya Carella li wkoll laqtet il-lasta. 

Fit-37 minuta, Swieqi rdoppjaw. Sara Saliba ġiet imwaqqfa b’mod skorrett minn Abigail Camilleri  fil-kaxxa, u mill-11-il metru l-eks attakkanta ta’ Birkirkara ma żbaljatx. 

Wara l-mistrieħ, il-kompitu ta’ Mġarr sar aktar diffiċli meta Yulya Carella, waħda mill-aqwa players tagħhom fl-ewwel taqsima, sfat imkeċċija wara li ġiet murija t-tieni karta safra.  Minkejja li kienu b’għaxar players, il-Greens ippressaw  permezz ta’ Maria Hernandez, li iżda, falliet il-mira. 

Ftit wara, Swieqi skorjaw it-tielet goal b’Saliba terġa’ ssib ix-xibka mill-viċin biex aċċertat ir-rebħa għal Swieqi.  

Mġarr ippruvaw jagħmlu reazzjoni iżda Valeria Villegas sabet lill-goalkeeper, Patricia Araujo, attenta.

Bil-vantaġġ numeriku, Swieqi baqgħu fil-kontroll assolut, waqt li l-frustrazzjoni ta’ Mġarr kompliet tikber. Il-Greens ġew miċħuda mil-lasta darb’oħra lejn it-tmiem qabel ma Alejandra Villegas intweriet il-karta l-ħamra biex spiċċaw jilagħbu b’disa’ players. 

Wara l-logħba, is-Segretarja Ġenerali tal-MFA Dr. Maria Azzopardi u Andrew Grech, Direttur Maniġerjali ta’ Assikura Insurance Brokers PLC, ippreżentaw il-midalji lir-rebbieħa Swieqi United u lill-finalisti Mgarr United kif ukoll lill-uffiċjali tal-logħba. Iċ-ċerimonja ntemmet bil-preżentazzjoni tat-trofew prestiġjuż lill-captain ta’ Swieqi United, Shona Zammit.

Ritratti - Jonathan Caruana - Malta FA, Francesca Vella