Competitions
Mġarr United jirbħu l-Assikura Knock-out tan-nisa b'mod storiku
Published: 01-05-2025 18:35

HIBERNIANS 0-2 MĠARR UNITED
Maria Hernandez 6', Valeria Villegas 45'
Hibernians: E. Harrington; N. Geren, A. Galea, J. Dimech (54 G. Mifsud), K. Chetcuti (79 N. Celeste), M. Borg, Y. Attard (52 L. Ayres), N. Sciberras, I. Farrugia, A. Espitia, Joelma.
Coach: Kenneth Costantino.
Mġarr United: G. D’Antuono; A. Said, A. Camilleri, Y. Carella, L. Cefai, V. Villegas, Y. Mendez, M. Hernandez (79 M. Debono), R. Bajada, A. Villegas, A. Grech.
Coach: Ryan Vella.
Referee: Rapjan Xhyra.
Mġarr United kisbu l-ewwel unur tagħhom fil-football tan-nisa wara li, fil-finali tal-Assikura Knock-Out, għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 2-0.
Il-Greens skorjaw darbtejn fl-ewwel taqsima u rnexxielhom jamministraw il-logħba wara l-mistrieħ biex issiġillaw rebħa storika.
Din kienet it-tielet rebħa ta’ Mġarr fuq Hibernians f’sitt laqgħat f’dan l-istaġun, bil-Pawlisti jonqsu milli jirreġistraw rebħa waħda kontra l-Greens. Barra minn hekk, din timmarka t-tielet sena konsekuttiva li Hibernians spiċċaw bħala finalisti telliefa f’din il-kompetizzjoni.

Mġarr kellhom bidu mill-aqwa meta wara biss sitt minuti huma fetħu l-iskor meta Maria Hernandez għoliet fuq kulħadd u bir-ras ikkonkludiet mill-corner mogħti minn Yanina Mendez biex għelbet għal kollox lill-goalkeeper, Elizabeth Harrington.
Hibernians ippruvaw jagħmlu reazzjoni iżda rari ħolqu ċansijiet ta’ skor. Min-naħa l-oħra, Mġarr baqgħu perikolużi fil-kontrattakki tagħhom biex jisfruttaw l-ispazji li fihom spikkat il-Kolumbjana, Valeria Villegas, bil-veloċitá tagħha.

L-Imġarrin resqu viċin li jirduppjaw iżda t-tentattiv ta’ Yulya Carella ġie mċaħħad mill-mimduda.
Ftit wara, Alejandra Villegas, oħt Valeria, ukoll resqet viċin iżda mill-qrib falliet il-mira, hekk kif it-transizzjonijiet ta’ Mġarr ħarbtu għal kollox lill-Pawlisti.
U eżatt qabel il-mistrieħ, Mġarr skorjaw it-tieni goal. Alejandra approfittat minn indeċiżjoni ta’ Natalee Geren biex żmarkat lil oħtha Valeria u mill-viċin ma żbaljatx.
It-tieni taqsima bdiet b’Hernandez tittestja lil Harrington mid-distanza, iżda l-goalkeeper ta’ Hibernians salvat tajjeb.
Mumenti wara, Mġarr fallew okkażjoni li jiskorjaw it-tielet goal meta ngħataw penalty wara li Hernandez ġiet imwaqqa’ minn Harrington fil-kaxxa. Peró l-istess Harrington pattiet għal dan in-nuqqas meta salvat parzjalment it-tentattiv ta’ Carella u mir-rebound l-istess Carella rat ix-xutt tagħha jaħbat mal-mimduda bil-Pawlisti jeħilsuha ħafif.

Mas-siegħa logħob, Alexis Espitia falliet opportunità tad-deheb biex tnaqqas il-marġni tal-iskor meta mill-viċin ma rnexxilhiex tixħet il-ballun fix-xibka. Minuta wara, hija reġgħet heddet iżda l-isforz tagħha kien dgħajjef biex il-goalkeeper ta’ Mġarr salvat mingħajr wisq tbatija.
Lejn it-tmiem Carella setgħet għamlet aħjar biex tissiġilla r-rebħa iżda ma tantx kien jimporta għax ma kienx fadal wisq ħin hekk kif Mġarr iċċelebraw dani t-trijonf meritat u storiku.
Wara l-partita, is-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA, Dr Maria Azzopardi, u Andrew Grech, Direttur Maniġerjali ta’ Assikura Insurance Brokers PLC, qassmu l-midalji lill-players rebbieħa ta’ Mġarr United kif ukoll lill-players ta’ Hibernians u lill-uffiċjali tal-logħba. Il-preżentazzjoni ntemmet bl-għoti tat-trofew lill-captain ta’ Mġarr United, Abigail Camilleri.