Malta Football Association
NEWS:
“Kont u għadni nemmen li dan kien wieħed mill-aqwa grupp ta’ plejers li qatt kelli”– Ray Farrugia
Mar 4, 2014
Posted in:
photo credit - Dominic Aquilina
photo credit - Dominic Aquilina

  • photo credit - Dominic Aquilina
  • photo credit - Dominic Aquilina

“Kont u għadni nemmen li dan kien wieħed mill-aqwa grupp ta’ plejers li qatt kelli. Din hija r-raba’ darba li qiegħed nieħu ħsieb lit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena. Fit-tliet timijiet tal-passat kellna emozzjonijiet kbar. Fraħna u ferraħna u bkejna flimkien. B’dan it-tim kont u għadni nemmen li stajna għamilna l-istess. Iżda ddispjaċut ħafna għax naf li hawn potenzjal kbir u li l-plejers ma għarfux li huma kapaċi daqs ħaddieħor.”


 

Dawn kienu l-ewwel kummenti li ta Ray Farrugia, kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena meta dalgħodu indirizza konferenza stampa fil-lukanda Seabank fil-Mellieħa, fejn it-tim nazzjonali jinsab alloġjat, sakemm għada jilgħab il-partita kontra l-Isvezja.

 

“Għal għada qegħdin nistennew partita diffiċli ħafna. Kulħadd jaf bil-qawwa tal-Isvezja iżda lkoll ninsabu konxji minn dan. Ma nistgħux nirrepetu l-iżbalji li għamilna. Tlifna lil Zach Muscat u Bjorn Kristensen li huma żewġ pedini importanti iżda kull logħba fiha l-istorja tagħha. Aħna se nagħmlu minn kollox biex nippruvaw nieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront.”

 

Farrugia ammetta li kien hemm partiti li t-tim tiegħu naqas li jilħaq il-livell mistenni iżda kien hemm oħrajn li fihom ħareġ l-aħjar tat-tim.

 

“Bagħtejna ħafna minn żbalji kruċjali u min-nuqqas ta’ konċentrazzjoni. Kontra timijiet hekk trid tkun iffukat tul id-90 minuta. L-aqwa partita li għamilna kienet kontra l-Polonja. Qlajna żewġ gowls lejn l-aħħar tal-konfront u kellna anki ċansijiet fejn stajna niskurjaw qabel. Konna żvinturati ħafna. Nemmen li l-Polonja l-aqwa tim ta’ dan il-grupp u aktarx jispiċċaw fl-ewwel post.”

 

Għall-partita ta’ għada se jiddebutta Cain Attard, id-difensur ta’ Pieta’ Hotspurs filwaqt li fin-nuqqas tal-captain Zach Muscat, ir-responsabbilta’ tal-faxxa se ddur fuq Clyde Borg. Mistoqsi dwar din il-partita, Borg wieġeb,

 

“Fadal żewġ logħbiet u rridu nieħdu l-massimu. Irridu li jkollna żewġ prestazzjonijiet tajbin biex inkunu nistgħu ngħidu li minn dan il-grupp morna tajjeb. Ma nistgħux nieħdu aktar żbalji banali għax f’dan il-livell m’hemmx maħfra. Jikkastigawk mill-ewwel.”

 

Tkellem ukoll Ryan Scicluna li kien ukoll preżenti għall-konferenza stampa.

 

“Irridu ninsew il-partiti li lagħbna u nħarsu ’l quddiem. Żbaljajna u tgħallimna mill-iżbalji li għamilna. Għadna żgħar u rridu nuru li kapaċi daqs ħaddieħor. Nispera li għada nqumu għall-okkażjoni.”

 

Malta tilgħab is-seba’ partita tagħha minn Grupp 7 għada fis-2.30pm fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali. Il-pubbliku Malti mħeġġeġ jattendi u jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lit-tim Malti. Ir-referee se jkun is-Sur Enea Jorgji mill-Federazzjoni tal-Albanija.

 

Intant, il-formazzjoni probabbli li Ray Farrugia se jibda biha hija:

 

  1. Jurgen Borg (Hibernians)
  2. Cain Attard (Pieta’  Hotspurs)
  3. Christian Grech (Pieta’ Hotspurs)
  4. Louis John Cutajar
  5. Ryan Camenzuli (Birkirkara)
  6. Sacha Borg (Floriana)
  7. Daniel Zerafa (Birkirkara)
  8. Steve Pisani (Floriana)
  9. Ryan Scicluna (Birkirkara)
  10. Yurgen Pisani (Pieta’ Hotspurs)
  11. Jean Paul Farrugia (Hibernians)   
Official Sponsors
Commercial Partners