Malta Football Association
NEWS:
Żjara sorpriża mill-Prim Ministru lit-Tim Nazzjonali Malti
Mar 1, 2014
Posted in:

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena, li bħalissa qiegħed f’Ruma jipparteċipa fit-tournament ‘Roma Caput Mundi’ kellu sorpriża sabiħa lejn tmiem l-ewwel taqsima tat-tielet partita li lagħab kontra San Marino, meta f’ħin minnhom tfaċċa fl-istadium Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta’ Malta.



 

Muscat kien qiegħed f’Ruma biex jiltaqa’ fi żjara uffiċjali ma’ Matteo Renzi, il-Prim Ministru Taljan, li proprju ħa l-Ġurament tal-Ħatra tiegħu fil-jiem li għaddew.

 

Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo, President u Kap Eżekuttiv tal-Malta Football Association laqgħu din iż-żjara b’ferħa kbira tant li flimkien ma’ Jesmond Abela, Segretarju tat-Tim, dawwru lill-Prim Ministru sakemm ħa b’idejn il-plejers u l-istaff tekniku kollu.

 

F’kelmtejn qosra, Dr Muscat irringrazzja lill-plejers nazzjonali kollha tal-unur li jagħmlu lill-pajjiżna fil-massimu tal-kapaċitajiet tagħhom filwaqt li awguralhom għall-futur.

 

Min-naħa tiegħu, Darmanin Demajo sab il-ħin biex jirringrazzja lill-Prim Ministru Muscat talli sab il-ħin biex iżur lit-tim nazzjonali filwaqt li feraħlu tal-passjoni li hu wkoll gġandu għall-futbol.

 

Dan it-tournament serva bħala tħeijjija għat-tim tal-kowċ Sergio Soldano li se jkun qiegħed jipparteċipa fil-Kampjonati Ewropej ta’ taħt is-17-il sena li se jsir f’pajjiżna f’Mejju li ġej.

Official Sponsors
Commercial Partners