Malta Football Association
NEWS:
Prijorità lill-Governanza fl-amministrazzjoni tal-futbol
Apr 29, 2021
Posted in:
General

F’laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li nżammet il-bieraħ wara nofsinhar u li kienet indirizzata mill-President tal-MFA, Bjorn Vassallo u l-ogħla uffiċjali tal-Assoċjazzjoni, kien approvat kumitat konsultattiv bl-isem ta’ Advisory Committee on Anti-Money-Laundering. 


Dan il-kumitat, li se jkun kompost minn professjonisti fil-qasam tal-anti-money laundering (AML), se jkun qed jistudja u jressaq abbozz u proposti quddiem l-Assoċjazzjoni, b’diversi miżuri li għandhom isaħħu l-governanza tajba fl-operat tal-klabbs tal-futbol u b’hekk jinħolqu rekwiżiti regolatorji li jikkonfrontaw kull tip ta’ frodi u illeċitu finanzjarju.  

 

Il-miżuri li l-MFA mistennija tadotta fi żmien qasir mistennija jinkludu estensjoni tal-proċess ta’ due diligence aktar rigoruż fost il-kumitati u amministraturi oħra li jaħdmu fil-klabbs tal-futbol. L-għotjiet, self ta’ flus u sponsorizzazzjonijiet iridu jkunu ddikjarati biex tkun identifikata l-provenjenza tal-flus u b’hekk tissaħħaħ it-trasparenza u l-kontabbilità fil-ġestjoni finanzjarja.

 

F’laqgħa li saret mal-ġurnalisti fi tmiem il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, semma kif it-tisħiħ tal-amministrazzjoni tal-klabbs huwa parti mir-riforma ta’ governanza skont l-istrategija tal-Assoċjazzjoni. 

 

Din tinkludi wkoll ir-reviżjoni tal-Istatut li se jwassal għal bidliet radikali fl-istrutturi u s-separazzjoni ta’ poteri fit-tmexxija tal-MFA u kif ukoll ir-ristrutturar korporattiv tal-klabbs, li għandu jwassal għal tibdil fil-qafas legali u fis-sjieda tal-klabbs. 

 

Permezz ta’ mudell azjendali, fejn entitajiet kummerċjali jibdew joperaw l-attivitajiet tal-futbol biex dawn ikunu jistgħu joperaw b'mod aktar diliġenti u l-investimenti jkunu ssalvagwardjati.

 

Il-President Vassallo saħaq, “qabel kollox tajjeb ngħidu li l-maġġoranza assoluta tal-uffiċjali fil-futbol huma nies korretti u li qegħdin hemm għaliex iħobbu l-logħba tal-futbol u lill-klabbs li jirrappreżentaw.

 

Bħal f’kollox il-futbol ma’ jgħix f’iżolament u għaldaqstant irridu nsaħħu l-governanza amministrattiva u ngħinu lill-membri jilħqu l-konformità regolatorja bi proċessi trasparenti. Għalhekk nieħu gost li l-Kumitat Eżekuttiv laqa’ l-proposta tal-amministrazzjoni tal-Assoċjazzjoni biex b’mod proattiv nieħdu azzjoni biex il-futbol ikun protett minn kull forma ta’ abbuż.”

 

Dan il-proċess min-naħa tal-Assoċjazzjoni qed isir ukoll bl-involviment tal-awtoritajiet kompetenti, biex dak li għaddej minnu pajjiżna fir-rigward ta’ lakuni leġiżlattivi jiġi rifless ukoll fil-qasam sportiv f’Malta.

Official Sponsors
Commercial Partners