Malta Football Association
NEWS:
Malta vs Skozja: "75% tal-biljetti ħarġu" - Vassallo
Aug 27, 2016
Posted in:
General
National Team
WC 2022 QUALIFIERS
Friendlies

Mark Attard, Media Officer

 

Dalgħodu, ftit wara s-sessjoni ta' taħriġ tat-tim nazzjonali, saret konferenza stampa li fetħet din l-avventura l-ġdida tat-tim nazzjonali Malti għal dawn is-sentejn. L-ewwel impenn se jkun l-Erbgħa li ġej f'Parnu, l-Estonja, f'partita ta' ħbiberija, iżda l-Ħadd 4 ta' Settembru, tintlagħab l-ewwel partita ta' kwalifikazzjoni, kontra l-Iskozja, fl-Istadium Nazzjonali, fid-8.45pm.


"75% tal-biljetti diġa ħarġu u tqassmu jew inbiegħu. Fadal ftit wisq biljetti meta kkumparat ma' partiti oħra. Qed nipprevedu li l-Istadium ikun mimli, jew kważi mimli. Inħeġġu lil kulħadd jattendi, se tkun festa sabiħa." Dan kollu qalu Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association, li flimkien ma' Pietro Ghedin, kowċ nazzjonali u Roderick Briffa, plejer nazzjonali, indirizzaw lill-media lokali. 

 

Vassallo ta aħbar mill-isbaħ lill-ġurnalisti Maltin, dik li t-tim nazzjonali tal-Iżlanda, li tant paxxa partitarji fl-EURO 2016, se jiġi f'pajjiżna fil-15 ta' Novembru għall-partita ta' ħbiberija. 

 

Fl-istess konferenza, Vassallo preżenta l-flokkijiet nazzjonali l-ġodda ta' Malta, dak aħmar tal-partiti f'darna u dak abjad tal-partiti barra minn darna. 

 

Ghedin tkellem ukoll f'din il-konferenza fejn qal li fl-ewwel sessjoni ta' taħriġ kien għadu kemm ra tim iffikukat fejn kull plejer jinsab f'kundizzjoni fiżika tajba ħafna. Hu qal li kellu jsejjaħ 20 plejer għal dan il-konfront u bl-ebda mod ma qata' barra mit-tim plejers oħra li għal din id-darba ma kienux fl-iskwadra.

 

Roderick Briffa qal li qed jistenna żewġ partiti mill-iktar diffiċli bħalma jkunu dejjem għal Malta iżda konvint li jekk kulħadd ikun fl-aqwa tiegħu u kulħadd jiġbed ħabel wieħed, it-tim jista' jkollu wirjiet u riżultati tajbin minn dawn iż-żewġ partiti.

Official Sponsors
Commercial Partners