


Italja kontra l-Iskozja kellha tkun l-aħħar partita fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali, fuq wiċċ naturali kollha kemm hi tal-ħaxix.
Minn kmieni dalgħodu, beda x-xogħol li se jwassal għall-wiċċ mill-aktar moderni u allura wieħed seta’ jara gafef kontra gafef jaqilgħu l-ħaxix b’tunnellati sħaħ ta’ ħamrija. Fost dawk preżenti, wieħed seta’ jinnota wkoll l-aħħar ritratti fuq dan il-wiċċ li ilu jintuża 35 sena u li fuqu ra plejers kbar u ta’ fama mondjali.
Il-proġett mistenni jitlesta għal bidu ta’ Awwissu u se jinkludi wkoll l-injezzjoni ta’ sistema tan-nylon.
Fl-MFA u fost l-amministraturi tagħha, kien ilu jinħass il-bżonn li l-wiċċ tal-Istadium Nazzjonali ta’ Malta jsir wieħed modern u li jilħaq il-livelli taż-żminijiet tal-lum.
