Malta Football Association
NEWS:
“Irridu ninsew il-partita kerha li kellna kontra ċ-Ċeki” – Ghedin
May 30, 2016
Posted in:
General
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

 

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali Malti, f’konferenza stampa li saret wara t-taħriġ ta’ dalgħodu fil- Worthersee Stadium, fi Klagenfurt, qal li biex it-tim nazzjonali jkollu prestazzjoni tajba fil-partita ta’ għada kontra l-Awstrija,hemm bżonn li tintesa’ kemm jista’ jkun malajr l-aħħar partita li ntlagħbet il-Ġimgħa kontra r-Repubblika Ċeka u li Malta tilfet bi skor kbir ta’ 6-0.


 

Il-futbol inkredibbli. Għamilna sitt żbalji u sofrejna sitt gowls. Dak il-futbol. Meta diġa’ ma tkunx fl-aqwa kundizzjoni, kollox jibda ġej kontriek ukoll. Kontra ċ-Ċeki kien riżultat kiefer wisq magħna. Kien ħaqna xi ftit aħjar iżda issa hemm bżonn ninsew.

 

“Irridu nilagħbu aktar għal xulxin u nisperaw li kulħadd ikun f’kundizzjoni tajba. Għada se tkun partita oħra mill-iktar diffiċli għalina u rridu noqgħodu attenti ħafna,” qal Ghedin.

 

Mistoqsi fuq l-Awstrija u ċ-ċansijiet tagħhom għall-Euro 2018, Ghedin qal li l-Awstrija ilhom ma jkollhom tim ta’ saħħa kif għandhom illum.

 

“Dan jista’ jkun iċ-ċans tagħhom. Mhux se nsemmi xi plejer jew ieħor. Kollha huma ta’ livell u jilagħbu fl-aqwa kampjonati. Iżda rajt l-aħħar partita li lagħbu u bqajt impressjonat bil-veloċita’ u s-saħħa li għandhom,” qal Ghedin.

 

Fl-istess konferenza tkellem ukoll Henry Bonello, il-gowlkiper internazzjonali Malti li ddefenda l-lasti Maltin fl-aħħar ħarġa kontra r-Repubblika Ċeka. Bonello qal,

 

“Irridu nħallu warajna l-wirja kerha li kellna kontra r-Repubblika Ċeka. Irridu ninsewha u naħsbu fil-partita ta’ għada. Qegħdin nisperaw li jkollna wirja tajba u b’hekk inpattu għad-disfatta li kellna fl-aħħar jiem.

 

“Qed nippreparaw tajjeb ħafna għall-partita ta’ għada, kif wara kollox nagħmlu dejjem għal kull partita. F’partiti hekk il-livell hu ogħli ħafna u mal-inqas żball tiġi kkastigat. Kellna ġimgħatejn waqfa iżda issa ilna ġimgħatejn għaddejjin. Nistgħu nilagħbu ħafna aħjar milli lagħbna fl-aħħar partita,” temm Bonello.

Official Sponsors
Commercial Partners