


Mark Attard, Media Officer
Dalgħodu, fil-Worthersee Stadium, fi Klagenfurt, sar it-taħriġ uffiċjali ta’ ġurnata qabel il-partita. Pietro Ghedin kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-iskwadra kollha ta’ 20 plejer, għajr għal Paul Fenech, li ħass xi wġiegħ żgħir wara l-partita kontra r-Repubblika Ċeka.
Il-Worthersee Stadium jinsab minuta ’l bogħod mix-xmara Worthersee u l-aħħar partita ta’ ħbiberija li lagħab it-tim Awstrijakk f’dan l-istadium kienet sentejn ilu kontra l-Urugwaj, partita li ntemmet fi draw ta’ 1-1. L-istadium jesa’ ftit aktar minn 30,000 persuna u għall-partita ta’ għada diġa’ nbiegħu aktar min-nofs il-biljetti.
Is-sessjoni ta’ dalgħodu damet ftit iktar minn siegħa biex eżatt wara, Pietro Ghedin u Henry Bonello, tkellmu mal-media Awstrijakka u Ġermaniża li kienet preżenti fl-istadium.
Waqt is-sessjoni ta’ taħriġ, l-Eċċellenza Tiegħu Keith Azzopardi, Ambaxxatur Malti fl-Awstrija, żar lit-tim nazzjonali Malti u sellem lill-plejers u lill-kontinġent kollu.
Il-partita Awstrija vs Malta tintlagħab għada t-Tlieta fit-8.30pm u tixxandar b’mod dirett fuq TVM 2.
