Malta Football Association
NEWS:
Id-dinja tal-futbol tivvota għall-President tal-FIFA
Feb 25, 2016
Posted in:
General
Fanzone

 

Għada il-Ġimgħa, l-Assoċjazzjonijiet tal-futbol tad-dinja, jivvutaw għal dak il-persuna li jixtiequ li jmexxi l-FIFA, l-Assoċjazzjoni li tmexxi l-futbol fid-dinja.

 

Għal din l-elezzjoni, Malta se tkun irrapreżentata minn Norman Darmanin Demajo, Bjorn Vassallo u Ivan Mizzi, President, Segretarju Ġenerali u Teżorier tal-Malta Football Association.


 

Ikkuntattjat minn www.mfa.com.mt, Darmanin Demajo qal li għada se tkun ġurnata speċjali għall-FIFA u għall-futbol kollu fid-dinja.

 

“Hemm bżonn li din id-darba kulħadd jieħu l-aħjar deċiżjoni għall-ġid tal-logħba. Hemm bżonn li l-President li jmiss ikun persuna ta’ integrita’ biex iġib miegħu mill-ġdid il-kredibbilta’ fil-governanza tal-FIFA.

 

“Irridu li npoġġu l-konċentrazzjoni tagħna u niffukaw fejn suppost, jiġifieri fuq il-pitch fejn tintlagħab il-logħba u fejn il-vera passjoni tkun esperjenzata u mhux fil-kuriduri tal-uffiċini tal-FIFA fi Zurich,” qal Darmanin Demajo.

 

 

Il-209 membri tal-FIFA, ilkoll għandhom vot wieħed li għada se jkunu qegħdin jivvutaw għal wieħed mill-ħames kandidati li tefgħu n-nomina tagħhom biex jieħdu post Sepp Blatter, li kellu jħalli l-kariga wara kullana ta’ kontroversji u allegatament skandli li għad iridu jiġu investigati.

 

Il-ħames kandidati li se jikkontestaw din l-elezzjoni fi Zurich, l-Isvizzera, huma: Sheikh Salman bin Ebrahim Al Khalifa, Gianni Infantino, il-Prinċep Ali Bin Al Hussein, Jerome Champagne u Tokyo Sexwhale.

 

Biex ikun hemm rebbieħ fl-ewwel għadd tal-voti, xi kandidat minn dawn irid iġib żewġ terzi tal-voti, xi ħaġa improbabbli li tista’ tiġri. Fit-tieni elezzjoni, ikun meħtieġ 50% u wieħed tal-voti, biex jekk dan ma jseħħx jiġi eliminat l-inqas kandidat li jġib voti u l-membri jibqgħu jivvutaw sakemm dan iseħħ.

 

L-Afrika għandha 54 vot, l-Ewropa 53 vot, l-Asja 46 vot, l-Amerika ta’ Fuq u Ċentrali għandha 35 vot, l-Oċeanja għanda 11-il vot u l-Amerika t’Isfel għandha 10 voti.

 

Malta se tkun qed tipproponi lill-Prinċep Ali Bin Al Hussein għal din l-elezzjoni anki jekk ir-relazzjoni tal-Malta Football Association mal-UEFA huma mill-aqwa u għalhekk mhux eskluż li Gianni Infantino, Segretarju tal-UEFA fil-preżent, jieħu t-tieni preferenza ta’ pajjiżna f’każ li l-Prinċep jiġi eliminat minn din l-elezzjoni.

Official Sponsors
Commercial Partners