Archives

Ikompli l-Kampjonat BOV Premier

Published: 10-09-2015 15:45
image1 (102)
Wara l-waqfa għall-impenji tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Italja u l-Azerbaijan, is-Sibt li ġej ikompli l-Kampjonat BOV Premier b'erba partita oħra interessanti li se jintlagħbu fil-HIbernians Stadium u fil-Victor Tedesco Stadium.  F'Kordin, fil-5.00pm tintlagħab l-ewwel partita bejn St Andrew's FC u Mosta FC. Tal-ewwel għadhom qed jippruvaw jieħdu l-ewwel punti għal dan l-istaġun fil-Kampjonat Premier mentri Mosta, bdew l-istaġun fuq nota pożittiva għall-aħħar b'żewġ rebħet minn żewġ partiti. Fis-7.00pm, eżatt kif tintemm din il-partita, tibda dik bejn Floriana FC u Qormi FC. Iż-żewġ naħat kellhom bidu mhux daqstant sabiħ f'dan il-kampjonat. M'hemmx dubju li tliet punti huma mixtieqa fuq kull naħa u għalhekk se jagħmlu minn kollox biex jaslu għal dan. Fl-istess ħin, fil-Victor Tedesco STadium, fil-Ħamrun, jintlagħbu żewġ partiti oħra. Fil-5.00pm tintlagħab Sliema Wanderers FC kontra Pembroke FC. Is-Slimiżi bdew il-Kampjonat b'żewġ telfiet ukoll kontra Tarxien Rainbows FC u Valletta FC rispettivament u għalhekk xejn għajr rebħa mhu se tissodisfahom.Fuq in-naħa l-oħra, Pembroke FC, hu bla dubju l-aktar tim sorpriża għal dan l-istaġun. Bdew b'żewġ rebħiet u punti massimi u rebħa oħra kontra Sliema Wanderers FC tibda tagħti x'wieħed jifhem li dan it-tim hu ta' stoffa biżżejjed biex iżomm postu mal-kbar għall-istaġun li ġej. Fis-.7.15pm, iċ-champions tal-futbol Malti, Hibernians FC jilagħbu kontra Naxxar Lions FC. Il-Pawlisti jibdew favoriti li jakkwistaw it-tliet punti iżda wara bidu diżappuntanti, m'hemmx dubju li n-Naxxarin se jagħmlu minn kollox biex itejbu l-wirjiet tagħhom u jkunu ta' aktar sfida denja għal kulħadd. Il-Ħadd ikollna żewġ partiti oħra li jintlagħbu fl-Istadium Nazzjonali, f'Ta' Qali. Fil-5.00pm, Balzan FC jilagħbu kontra Tarxien Rainbows FC. Jidher li l-Balzanin se jkunu ta' sifda denja għall-ewwel postijiet f'dan l-istaġun iżda f'din il-partita r-rebħa żgur li mhux xi ħaġa ċerta u dan għax ir-Rainbows kellhom bidu tajjeb fil-kampjonat u żgur li se jagħmlu minn kollox biex konfront hekk ma jitilfuhx. L-aħħar partita tal-ġimgħa hi l-aktar waħda ta' attrazzjoni fejn Valletta FC jilagħbu kontra Birkirkara FC. Fuq il-karta, Birkirkara FC jibdew xi ftit aktar favoriti li jirbħu dan il-konfront, iżda fil-verita', il-Beltin kellhom bidu ta' kampjonat aħjar mill-avversarji. Għalhekk wieħed jawgura partita mill-isbaħ u tmiem ta' weekend ta' futbol bi stiel. Dan il-weekend jibda wkoll il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni. Il-programm kollu jkun dan: Il-Ġimgħa fis-Centenary Stadium, fis-7.30pm, Senglea Athletic FC vs Mqabba FCIs-Sibt fis-Centenary Stadium, fl-4.00pm, Vittoriosa Stars FC vs Pieta' Hotspurs FCIs-Sibt fis-Centenary Stadium, fis-6.15pm, Gżira United FC vs Lija Athletic FCIl-Ħadd fis-Centenary Stadium, fl-4.00pm, Rabat Ajax FC vs St. George's FCIl-Ħadd fis-Centenary Stadium, fis-6.15pm, Fgura United FC vs Hamrun Spartans FCIl-Ħadd fil-Victor Tedesco Stadium, fl-4.00pm, San Gwann FC vs Zebbug Rangers FCIl-Ħadd fil-Victor Tedesco Stadium, fis-6.15pm, Gudja United FC vs Melita FC