Archives

Il-kwalifikazzjoni? Jiddependi minna biss - Theuma

Published: 08-04-2015 12:10
image1 (102)
image2 (33)
image3 (16)
image4 (101)
image5 (118)
image6 (142)
Mark Attard Anki jekk int wieħed minn dawk li ma ssegwix il-futbol tan-nisa, m’hemmx dubju li l-isem ta’ Dorianne Theuma, idoqqlok żgur. It-tfajla ta’ 31 sena ilha tilgħab il-futbol għal dawn l-aħħar 18-il sena. Bdiet il-karriera tagħha ma’ Hibernians FC u aktar tard ma’ Mosta FC sakemm telgħet tarġa tarġa sat-tim nazzjonali Malti. Illum, mhux talli hi għażla awtomatika tal-kowċ Mark Gatt fl-ewwel ħdax, iżda hi wkoll il-captain tat-tim nazzjonali Malti.  Theuma twieldet fis-17 ta’ Mejju 1984. Rebħet l-unur tal-aqwa plejer femminili fl-MFA Awards għal sitt darbiet. Ir-rwol tagħha fit-tim nazzjonali hu mill-iktar importanti. Kważi dejjem fiċ-ċirku ta’ nofs il-grawnd u minn saqajha joħorġu dawk il-blalen li jwassluna għas-suċċessi. Mat-tim nazzjonali Malti s’issa skurjat 21 gowl. Tgħidli li minbarra l-futbol, għandha l-passjoni għas-safar. Fl-aħħar żewġ partiti, Theuma reġgħet kienet fost l-aqwa. L-iskwadra sħiħa u l-kontinġent ħaqqhom kull tifħir li rebħu l-ewwel żewġ partiti tagħhom kontra l-Andorra (5-3) u kontra l-Ġorġja (2-1). Jonqos biss punt wieħed fil-partita ta’ għada kontra l-Gżejjer Faroe biex jaċċertahom mir-rebħ tal-Grupp u l-kwalifikazzjoni. “Għadni ma rridx nemmen dak li ġara t-Tnejn li għadda. Għandna l-moral għoli ħafna speċjalment għax irbaħna partita fl-aħħar minuta. Erġajna ninsabu fl-istess sitwazzjoni ta’ sentejn ilu. Jiddependi biss minnha jekk nikkwalifikawx jew le. L-eċċitament hu kbir għax dawn l-affarijiet jiġru ftit drabi f’ħajjitna u rridu naħtfu din l-opportunita’ li ġietna. “Se tkun partita importanti ħafna. L-aħħar li lgħabna kontra l-Gżejjer Faroe tlifna 2-0 iżda nemmen li minn erba’ snin ilu lil hawn aħna għamilna passi ta’ ġgant ’il quddiem. Irridu nżommu saqajna mal-art, nemmnu fil-potenzjal tagħna u noħorġu nfittxu r-rebħa.” L-ewwel żewġ partiti f’dan il-Grupp ma setgħux kienu aħjar. Żewġ rebħiet u punti massimi. Malta tinsab fl-ewwel post tal-Grupp u allura punt fl-aħħar partita ta’ għada jkun biżżejjed biex jibqgħu fl-ewwel post u jikkwalifikaw. “Meta tirbaħ dejjem tkun sodisfatta. Irbaħna b’mod faċli kontra l-Andorra u sofrejna ħames gowls għax forsi rrilassajna xi ftit meta konna qed nirbħu 4-1sal-ewwel taqsima. “Kontra l-Ġorġja kellna partita tajba mill-bidu sal-aħħar. Sofrejna gowl minn penalty inġust iżda nemmen li grazzi għal dak l-episodju it-tim ħareġ iktar aggressiv biex nirbħu dik il-partita. Filfatt wara d-draw konna totalment superjuri fuq l-avversarji. Ksibna r-rebħa b’mod mill-aktar drammatiku.” Theuma hi l-aktar plejer lokali li ilha tilgħab il-futbol mat-tim nazzjonali minn meta nħoloq u fost l-aktar plejer Maltija li lagħbet futbol s’issa. It-tim nazzjonali twaqqaf fl-2003 u minn dakinhar sal-lum, għamlet parti minnu sew u l-faxxa tal-captain, wara l-irtirar ta' Rebecca D’Agostino, hi aktar milli mistħoqqha għaliha. Tiftakar iż-żminijiet tal-bidu ta’ Pierre Brincat bħala kowċ, għall-bidla li saret ftit tax-xhur ilu minn meta ħa f’idejh it-tim Mark Gatt. “Unur li rrapreżentajt lil pajjiżhi u għadni nagħmel dan. Kienet, “the cherry on the cake” għall-karriera tiegħi. Ngħidlek il-verita’ ma nħoss l-ebda piż żejjed bil-faxxa tal-captain. L-uniku ħaġa hi li nipprova nkun ta’ eżempju għall-plejers sħabi u flimkien niġbdu ħabel wieħed. Il-faxxa tal-captain qiegħda biss biex nirrapreżenta tim li jikkonsisti minn grupp ta’ żgħażagħ li jagħtu qalbhom għal dan it-tim. Inħossni onorata li jien parti minn dan il-grupp qalbieni. Grupp li dejjem ħadem id f’id kemm fit-tajjeb u anki fil-ħażin. Aħna grupp ta’plejers li aħna l-għira ta’ kulħadd u nħossni persuna furtunata li nagħmel parti minn dan il-grupp. “Pierre hu l-missier tal-futbol tat-tfajliet f’Malta. Grazzi għalih li wasalna fejn wasalna llum. Bena tim fejn issa qed inkomplu nieħdu l-frott. Il-kowċ il-ġodda Mark u Frank qed ikomplu fejn ħalla Pierre. Mark hu kowċ li qed juri fiduċja kbira fina u qed nuru dan billi qed ikollna mentalita’ iktar offensiva. Nirringrazja lil dawn in-nies li għalkemm isibu ħafna ostakli, jirnexxielhom jikkuntentawna tista’ tgħid f’kollox! Dawn huma ftit nies li dejjem emmnu fil-futbol tan-nisa.” Il-captain tat-tim nazzjonali Malti temmen li l-livell tal-futbol tan-nisa għola fid-dinja kollha kull fejn jintlagħab. F’Malta mhux eċċezzjoni. U daqs kemm tista’ tgħid hi, żgur li ma jista’ tgħid l-ebda plejer oħra, grazzi għas-snin li ilha tilgħab f’livelli internazzjonali bil-flokk ta’ Malta. “Il-livell għola ħafna kullimkien. Iżda wasalna fejn wasalna grazzi għall-plejers li lagħbu fil-passat ukoll. Kienu huma li bnew pedament sod għal dawn iż-żgħażagħ. Illum qed naqtgħu l-frott ta’ dak li bnejna snin ilu. Ukoll, jekk qabel konna limitati fil-plejers, illum il-ġurnata hawn ħafna tfajliet jilagħbu il-futbol u kull kowċ għandu iktar għażla minn fejn jagħżel. “Kulħadd jaf li l-livell tal-futbol Malti tjieb iżda hemm iktar fejn jitjieb. Hemm timijiet li jieħdu l-affarijiet bis-serjeta’ u hemm timijiet li forsi huma limitati. Iżda tikkumpara mas-snin li għaddew, jekk qabel dejjem kien hemm żewġ timijiet jissieltu għall-kampjonat, illum hemm erba’ timijiet.”  Huma ħafna dawk il-partitarji tal-futbol lokali li jsegwu. Huma ħafna wkoll li ma jsegwux. U huma ħafna wkoll dawk li jsegwu l-futbol tal-irġiel biss. U wisq probabbli jkunu dawn in-nies li l-aktar li jikkritikaw inġustament u jgħidu diskors li jista’ jweġġa’ lill-plejers u lill-familjari tagħhom, li huma biss jafu bis-sagrifiċċi li jagħmlu. “Iddejjaqni ħafna l-kritika min-nies li ma jsegwux il-futbol tat-tfajliet. Ħafna minnhom ma jkunux jafu mil-liema sagrifiċju jgħaddu t-tfajliet biex jilagħbu l-futbol bla dħul ta’xejn. Nixtieq ukoll li l-klabbs jagħtu iktar importanza lit-timijiet tan-nisa. “ Iżda Theuma kuntenta bil-media lokali u bl-ispazju li jingħata l-futbol tat-tfajliet? “Tikkumpara l-passat mal-lum tista’ tgħid li l-media saret tagħti iktar attenzjoni lill-futbol tan-nisa. Minn meta sentejn ilu għaddejna għall-ewwel darba għall-kwalifikazzjoni, l-affarijiet inbiddlu xi ftit. Ovvjament, kull tim jieħu pjaċir bl-attenzjoni li jkollu fuqu u aħna mhux b’inqas. Meta naraw ċertu artikli fuqna jkollna iktar entużjażmu u jagħtuna aktar kuraġġ biex inkomplu nagħmlu mill-aħjar li nistgħu.” Dorianne Theuma, minbarra li plejer tal-futbol u l-captain tat-tim nazzjonali Malti, bdiet diġa’ f’karriera ġdida, dik tal-kowċing. Preżentament tokkupa l-kariga ta’ kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena, tim li ftit tal-jiem ilu lagħab żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra r-Rumanija, rebaħ l-ewwel waħda 1-0 u ġie draw ta’ 0-0 fit-tieni waħda. Dawn se jkunu l-plejers tal-futur. “Inħossni persuna furtunata ħafna li għandi l-opportunita’ li nikkowċja lil dawn il-plejers żgħażagħ. Ilni magħhom għal dawn l-aħħar tliet snin u hu ta’ pjaċir kbir li naħdem magħhom. Għalija, li lgħabna kontra pajjiż kbir bħar-Rumanija u rbaħna u ġejna draw, kienet ferħa enormi. Urejna li għandna potenzjal fl-under 15’s ukoll. Kienu dixxiplinati tattikament u dak li għamilna matul is-sena wrewh fil-grawnd. Anqas biss nista’ niddeskrivi l-emozzjoni li ħassejt wara li rnexxielna nirbħu l-ewwel logħba.   Għandhom enerġija u dedikazzjoni kbira u jekk ikomplu jaħdmu kif qed jagħmlu se jkollhom futur sabiħ quddiemhom. “Nixtieq nara plejers li jirnexxielhom jilagħbu barra l-pajjiż. Meta plejer taqleb professjonista jkollha l-opportunita’ li tikkonċentra biss fuq il-futbol u awtomatikament isir titjieb konsiderevoli . Eżempju ċar hi Rachel Cucshieri. Sfortunatament hawn Malta hu diffiċli biex plejer mara tkun professjonali.   Nemmen li ż-żgħażagħ li tilgħin jistgħu jagħmluha u żgur li t-tim nazzjonali tal-futur jibbenefika minn xi ħaġa bħal din,” ittemm Theuma.