Archives

Platini kkonfermat President tal-UEFA

Published: 24-03-2015 13:55
image1 (102)
image2 (33)
image3 (16)
 Michel Platini, l-eks-plejer ta’ Franza u ta’ Juventus FC, Nancy FC u St Ettienne FC, kien ikkonfermat President tal-UEFA għat-tielet darba, li se jfisser se jkun għamel 12-il senaf’din il-kariga. It-terminu ta’ President tal-UEFA jiskadi kull erba’ snin u ħadd ma kkontesta lill-Franċiż fil-kungress tal-FIFA li sar illum fi Vjenna, l-Awstrija.  “Grazzi tal-fiduċja li wrejtu fija. Din tfisser ħafna għalija, forsi ħafna aktar minn kemm tistgħu timmaġinaw,” qal Platini fl-ewwel kelmtejn tiegħu lill-udjenza preżenti, li kienu tliet rappreżentanti minn kull Assoċjazzjoni Ewropea. Għal Malta kien hemm preżenti Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, flimkien ma’ Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali u Dr. Chris Bonett, Viċi President. “Inħossni kburi li jien parti minnkom f’dan it-tim ta’ amministraturi Ewropej. Kburi li mmexxikom u kburi li jien parti minn dan it-tim rebbieħ li laħaq tragwardi kbar f’dawn l-aħħar snin. “Naf li nista’ noqgħod fuq il-kelma tagħkom u tafu lkoll li tistgħu toqgħodu fuq il-kelma tiegħi. Kellmuni u fittxuni dejjem fejn taħsbu li nista’ ngħinkom,” kompla l-President tal-UEFA. Platini qal li jinsab eċċitat fuq l-isfida l-ġodda li ġejjin fuq il-UEFA fis-snin li ġejjin iżda determinat u ċert li bl-għajnuna u bil-kapaċitajiet ta’ kulħadd, se jirnexxilu jirbaħ l-ostakli kollha. B’dan il-mandat ġdid ta’ erba’ snin oħra, Platini jibqa’ wkoll Viċi President tal-FIFA. Fl-aħħar tad-diskors tal-għeluq tal-kungress tal-FIFA, hu sab l-okkażjoni biex jitkellem fuq dan kollu. “Aħna l-Ewropej irridu FIFA b’saħħitha. FIFA li tirrispetta u tkun rispettata. Nispera li nkompli nieħu l-aqwa deċiżjonijiet għal ġid tal-futbol Ewropew,” temm Platini. Id-39 kungress tal-UEFA din is-sena sar dalgħodu fir-Reed Exhibition Messe fi Vjenna, fl-Awstrija. Minbarra r-rapport annwali tal-President Michel Platini u dak tal-Kumitat Eżekuttiv, l-aġenda tinkludi rapporti tal-attivitajiet varji tal-kumitati tal-UEFA, ir-rapport finanzjarju għall-istaġun 2013/14 u l-budget għall-2015. Skont l-Istatut tal-UEFA, President tal-UEFA u l-membri fil-Kumtat Eżekuttiv iridu jiġu eletti qabel il-fażi tal-finali tal-Kampjonati Ewropej fi Franza fl-2016. It-terminu ta’ President tal-UEFA u l-membri hu ta’ erba’ snin. Platini ma ġiex ikkontestat u allura żamm is-siġġu tiegħu ta’ President tal-UEFA u Viċi President tal-FIFA. Tnax-il kandidat ikkontestaw għal seba’ postijiet vakanti. Erba’ minnhom servew terminu fl-erba’ snin li għaddew u dawn huma Angel Maria Villar Llona ta’ Spanja, Grigory Surkis u Peter Gillieron tal-Isvizzera u Boris Mihaylov tal-Bulgarija. It-tmienja l-oħra li kkontestaw din l-elezzjoni kienu: Sandor Csanyi tal-Ungerija, Fernendo Gomez tal-Portugall, Yngve Hallen tan-Norveġja, Trefor Lloyd Hughes ta’ Wales, Campbell Ogilvie ta’ Skozja, Davor Suker tal-Kroazja, Geir Thorsteinsson tal-Islanda u Servet Yardimci tat-Turkija. L-uniku kandidat li li se jkun ukoll membru fl-Eżekuttiv tal-FIFA hu l-Ispanjol Villar Llona. Il-kandidati li jridu jiġu eletti fil-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA irriservat għall-erba’ Assoċjazzjonijiet Brittaniċi huma David Gill tal-Ingilterra u Trefor Lloyd Hughes, filwaqt li l-kandidat għall-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA hu Wolfgang Nierbach tal-Ġermanja. Il-kandidati li ġew eletti fil-kungress tal-UEFA fl-elezzjoni tal-24 ta’ Marzu li sar fi Vjenna, jitħabbru dalwaqt.