Archives

Futbol tan-nisa: Malta 2 vs Latvja 0

Published: 18-03-2015 14:00
image1 (102)
It-tim nazzjonali Malti tan-nisa kellu wirja oħra kbira meta għeleb lil Latvja bl-iskor ta' 2-0, biex temm l-impenji tiegħu fl-Aphrodite Cup fit-tielet post minn tmien pajjiżi. Fl-ewwel taqsima, it-tim nazzjonali ddomina lill-avversarji f'ħafna ħinijiet u kellu diversi ċansijiet ta' skor li fihom ma rnexxielux isib ix-xibka. L-iktar żewġ ċansijiet kbar waslu f'saqajn Rachel Cushieri u Dorienne Theuma li minn qagħda tajba t-tnejn li huma kkonkludew xi ftit għoli. Fl-ewwel azzjoni serja fit-tieni taqsima, l-Maltin fetħu l-iskor. Theuma rċiviet ballun minn barra l-kaxxa u fajjret ġmiel ta' xutt li għeleb għal kollox lill-gowlkiper avversarja. Gowl tal-istampi!!! Minuta wara, Cuschieri qabżet difensur avversarju bi klassi kbira iżda falliet il-mira bi ftit u l-istess reġgħet għamlet lejn nofs it-tieni taqsima iżda x-xutt finali tagħha stampa mal-mimduda. Fit-72 minuta, l-Maltin irduppjaw u għalqu l-partita. Minn corner ta' Theuma f'nofs il-kaxxa, Stephania Farrugia għoliet fuq kulħadd u b'daqqa ta' ras tefgħet il-ballun fix-xibka. Is-suffara finali ġabet ferħ u tgħanniq bejn il-plejers u l-kontinġent kollu. Ma naqsux il-kumplimenti tal-avversarji lejn it-tim nazzjonali tagħna li kellu wirjiet tajbin ħafna. Wieħed jawgura li jibqa' jinżamm dan il-livell fil-partita ta' kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej li għandhom jintlagħbu f'pajjiżna fil-ġimgħat li ġejjin. It-tim nazzjonali Malti lagħab b'din il-formazzjoni: Rachelle Borg, Gabriella Zahra, Yasmeen Vella (Rosalie Cauchi), Stephania Farrugia, Dorienne Theuma, Ylenia Carabott, Rachel Cuschieri, Shona Zammit, Jade Flask (Mandy Debono), Charlene Zammit, Brenda Borg (Emma Xuereb)