Malta Football Association
NEWS:
It-tielet rawnd skont skjeda tal-Istanding Committee
Dec 9, 2014
Posted in:

Mark Attard, Media Officer, MFA

 

It-tielet rawnd tal-Kampjonat BOV Premier se jkompli skont l-iskjeda li ddiskuta u qabel dwara l-Istanding Committee tal-Premier League. Dan kollu ġie deċiż lejn l-aħħar tal-Kunsill tal-MFA b'votazzjoni fil-kamra ta' 32 vot favur. Il-proposta tal-Eżekuttiv ġabet 11-il vot u kien hemm ukoll 6 astensjonijiet. 

 

B'hekk il-Kunsill tal-MFA skarta l-proposta tal-Eżekuttiv li kienet tgħid li l-ewwel 10 partiti tat-tielet rawnd jittellgħu b'polza u minflok mar għall-proposta li ġiet deċiża bejn il-klabbs tal-BOV Premier stess.

 

Il-proposta hi valida sal-aħħar tal-istaġun u tista' tinbidel minn żmien għall-ieħor skont il-ħtiġijiet tal-format tal-kampjonat BOV Premier.

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, fetaħ l-aħħar Kunsill tal-MFA għas-sena 2014 billi sellem lil dawk preżenti u ħalla f'idejn Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali, biex jaqra r-riżenji u l-ħatriet il-ġodda fil-klabbs lokali matul l-aħħar xahar. Kulma nqara ġie approvat mill-Kunsill tal-MFA b'mod unanimu.


Darmanin Demajo faħħar lil Rodney Pisani, Deputat Segretarju Ġenerali tal-MFA u lil Jesmond Abela, Operations Manager fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA, taċ-ċertifikat li akkwistaw mill-UEFA f'kors li għamlu fil-Football Management. Il-kors kien organizzat mill-UEFA u sar fl-Ingilterra.

 

Il-President qal li l-MFA waħlet 8,000euro f'multa mill-UEFA fil-partita bejn Malta u l-Italja. Dan minħabba l-fatt li kien hemm persuni li ostakolaw il-passaġġi fis-South Stand u l-UEFA timponi regoli stretti f'dan ir-rigward. Ir-rapport sar mid-delegat tal-UEFA li kien appuntat għal din il-partita.

 

Darmanin Demajo qara ittra mibgħuta minn Kevin Azzopardi, f'isem it-tliet uffiċjali tal-logħba, biex jieħdu passi kontra Johann Vella, eks-Membru tal-Kunsill tal-MFA f'isem Santa Venera Lightnings dwar kumment li tefa' fil-facebook personali tiegħu wara s-sospensjoni li kien waħel. Il-President ta opinjoni li issa l-każ għadda u Vella ddispjaċih għal dak li għamel u li lest jitlob apoloġija. Hawnhekk tkellem Alex Arena, f'isem ir-referees fejn qal li ma jaqbilx ma' dak li qal il-President għax Vella kellu ċans jikkalma u jaħseb qabel jikteb dak li kiteb fil-facebook personali tiegħu. Bjorn Vassallo spjega li l-plejer diġa' resaq quddiem il-Kummissarju tad-Dixxipplina tal-MFA u diġa' ġie sospiż sena. Hu qal li jekk jingħata permess biex iż-żewġ partijiet imorru l-Qorti ta' Malta ma kien se jaqbel għal ħadd.  Vella sab diversi persuni mill-kamra li fehmu r-rabja li seta' kellu dawk iż-żminijiet u fl-opinjoni tal-maġġoranza ma kienx hemm każ li jinħareġ il-permess biex il-każ ikompli fil-Qrati ta' Malta. Tkellem ukoll Alex Manfre', Viċi President, li qal li jkun iktar għaqli li r-referees imsemmijin fil-kumment tal-facebook flimkien ma' Vella innifsu jerġgħu jitressqu quddiem jirrikonċiljaw. Darmanin Demajo ħa dan il-parir u l-permess biex każ bħal dan imur fil-Qorti ta' Malta ma ntlaqgħax.

 

Darmanin Demajo semma l-unur li rebħet l-MFA permezz tar-Reach Out Campaign tal-UEFA KISS Marketing Awards. Darmanin Demajo faħħar il-ħidma ta' kull min kien involut u li waslet biex 42,000 spettatur jiġi jsegwi xi partita jew oħra fit-tournament tal-UEFA Under 17's li sar f'Mejju li għadda. L-ewwel tliet postijiet kienu bejn Malta, Franza u d-Danimarka biex finalment kien pajjiżna li rebaħ dan l-unur.

 

Bjorn Vassallo qal li dan hu x-xahar fejn jinħatar il-Licensing Board tal-MFA biex jibda jaħdem mix-xahar id-dieħel. Is-Segretarju Ġenerali ppropona biex jerġgħu jkunu l-istess persuni li jagħmlu x-xogħol li dejjem għamlu tajjeb ħafna. Il-Kunsill approva dan kollu waqt li nqrat ittra mill-UEFA li tikkonferma li d-Dipartiment tal-Liċenzji tal-MFA kien qiegħed jaqdi dmiru skont l-istandards rikjesti.

 

Darmanin Demajo qal li kien hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq it-tielet rawnd tal-Kampjonat BOV Premier u kif se jintlagħbu l-partiti u s-sekwenza ta' kif se jintagħbu l-partiti. Il-President qal li hu favur li l-aħħar partita tal-Kampjonat BOV għandha tkun: l-ewwel post mat-tieni post; it-tielet post mar-raba' post u tibqa', ħames post mas-sitt post, is-seba'post mat-tmien post, id-disa' post mal-għaxar post u l-ħdax il-post mat-tnax-il post. Il-kamra ħadet aktar min-nofs siegħa sakemm ġie deċiż jekk għandux jittieħed il-format li ġie diskuss fl-Eżekuttiv tal-MFA jew fl-Istanding Committee fuq il-kumplament tal-ewwel 10 partiti. Is-suġġeriment tal-Eżekuttiv kien li l-ewwel 10 partiti jittellgħu polza mentri l-Istanding Committee qabel fuq skjeda ta' kif għandhom ikunu l-partiti sal-10 ġurnata tal-kampjonat. Fuq l-aħħar ġurnata kien hemm il-qbil propost. Il-proposta marret għall-vot tal-Kamra u l-proposta tal-Eżekuttiv ġabet 11-il vot mentri dik tal-Istanding Committee ġabet 32 vot. Kien hemm ukoll 6 astensjonijiet. B'hekk, it-tielet rawnd tal-Kampjonat BOV Premier se jkompli bli skjeda li proprona l-Istanding Committee.  

 

Fl-aħħar tal-laqgħa, il-President stieden lil Johann Fenech, Head of IT tal-MFA, biex jintrouċi s-sistema elettronika aktar ġdida tal-MFA Portal. Fenech spjega kif issa l-klabbs għandu aktar faċilita' u kumdita' biex ifittxu informazzjoni u jissottomettu applikazzjonijiet u dettalji tagħhom. Ir-rispons tal-klabbs kien pożittiv ħafna.

Official Sponsors
Commercial Partners