Archives

Isir is-seminar annwali tal-Youth FA

Published: 26-08-2014 11:20
image1 (102)
image2 (33)
image3 (16)
image4 (101)
Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, appella lin-nurseries ta’ Malta kollha biex joħorġu mill-‘comfort zones’ li jinsabu fiha u jidħlu għall-isfidi ġodda li se jkollhom quddiemhom fis-snin li ġejjin. Dan l-appell għamlu wara li qal l-istess ħaġa lill-klabbs lokali ta’ Malta fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ sentejn ilu. Darmanin Demajo għalaq is-seminar billi semma’ kemm hi għal qalbu l-Youth FA u n-nurseries. Hu kompla jgħid li wara li sar investiment fl-infrastruttura tal-klabbs li minnha gawdew in-nurseries ukoll, issa qed nidhlu f’fażi oħra, dik tal-coaching education u tibdil tar-regolamenti, speċjalment fejn jidħlu l-plejers żgħażagħ, fejn jeħtieg li jkun hemm tibdil radikali f’din is-sezzjoni tar-regolamenti biex ikun hemm aktar moviment ħieles biex plejers jimxu mingħajr restrizzjonijiet żejda.Is-seminar Annwali tal-Youth FA sar is-Sibt 23 ta’ Awwissu 2014 fil-Palace Hotel f’Ta’ Sliema. Il-parteċipazzjoni kienet waħda tajba ferm bl-amministraturi u kowċis minn nurseries affiljati li kollha ħadu sehem. Is-seminar ta’ din is-sena kien wieħed vast b’suġġetti varji.Fil-ftuħ tas-seminar, Fr. Hilary Tagliaferro, President tal-Assoċjazzjoni, qal li s-suġġetti magħżula f’dan is-seminar kienu jirriflettu l-ħsieb u fejn trid tasal l-Assoċjazzjoni. Fid-diskors tiegħu, Fr. Hilary għamel appell, biex tinbidel il-mentalita’ biex aktar plejers li ma jilagħbux, jimxu minn nursery għal oħra mingħajr ma jitħallas kumpens għalihom. Dan ir-regolament qed jeqred ħafna plejers żgħar li jkomplu jilagħbu l-futbol.  Ms. Elaine Bonnici, Sports Director ta’ Special Olympics Malta, għamlet sezzjoni dwar Unified Sports, fejn issa hu interessanti ferm li wħud minn nurseries qed jintegraw tfal b’diżabilita’ u oħrajn b’attenzzjoni speċjali qed ikun meħtieġ li jkun hemm aktar għarfien kif jiġu trattati dawn il-persuni.Is-sur Marcel Mizzi, li hu l-programme manager tad-data system tal-passaporti tal-Assoċjazzjoni li ġew introdotti minn Jannar ta’ din is-sena, fisser it-tieni fażi ta’ dan il-proċess li fi ftit taż-żmien ieħor in-nurseries ikunu jistgħu jdaħħlu u jikkontrollaw enrolment ta’ plejer ġdid, minn ġewwa n-nursery tagħhom. L-importanza ta’ din id-data hi riflessa fis-snin li ġejjin li minnha tista’ toħroġ diversi statistika importanti.Ms. Adele Muscat, Sports Psychologist,  fetħet għad-diskussjoni wara preżentazzjoni tajba suġġett bit-tema ‘ Helping players through transitions’, liema suġġett se jidħol aktar fil-fond billi se jinżamm seminar ta’ kontiwazzjoni fix-xhur  li ġejjin.L-aħħar topic f’dan is-seminar kienet esperjenza ħajja ta’ Cottonera Nursery, fejn is-sur Stephen Spiteri spjega diffikultajiet fiż-żona tal-Cottonera, u kif l-unika triq kienet l-amalgamazzjoni, fejn għal ħafna fl-isports kienet tidher tqila li dawn it-tlett ibliet jingħaqdu iżda dan ma kienx minnu fil-futbol taż-żgħażagħ għax ġiet iffurmata nursery waħda li taħdem għat-tlett ibliet. L-amalagamazzjoni ta’ nurseries hu suġġett fuq l-Agenda tal-Youth FA, li jrid jiġi studjat u jitressqu proposti, fejn jidher li fis-snin li ġejjin din is-sitwazzjoni se tinfirex fuq irħula żgħar, fejn in-numru ta’ tfal qiegħed dejjem jonqos.Is-sur Robert Gatt, Direttur taċ-Ċentru Tekniku, spjega l-programm li kien hemm imħejji għall-istaġun 2014/2015 miċ-Ċentru Tekniku u li jrid jiġi mħaddan fix-xhur li ġejjin.Fil-ġranet li ġejjin jiftħu l-kampjonati tal-Youth FA 2014/2015, b’format ġdid fejn il-kampjonat jibda’ b’forma ta’ K.O. biex jistabilixxi l-livelli tas-sezzjonijiet, fejn wara jitkomplew il-fażi tal-gruppi.