Malta Football Association
GRASSROOTS PROGRAMME – NORVEĠJA – APRIL 2013
Apr 18, 2013
Posted by:

 

 

L-Għaxar UEFA Grassroots Programme inżamm bejn it-8 u t-12 ta’ April 2013, ġewwa Oslo in-Norvegja.

 

Malta kienet irrappreżentata fost it-53 membru tal-UEFA permezz  ta’  Maria Mifsud Deputat Segretarja Ġenerali ta’ l-MFA, u Joe Micallef Segretarju Ġenerali tal-Youth FA u membru fl-Eżekuttiv ta’ l-MFA. 

 

Fil-ftuh ta’ dan il-programm tkellmu Yngve Hallen, President tal-FA Norveġiża, u Per Ravn Omdal, membru onorarju tal-UEFA u ambaxxatur tal-Grassroots għall-UEFA. It-tnejn tkellmu dwar l-importanza ta’ dan is-settur u li kieku ma kienx għal dan, żgur li ma kienx jkun hemm l-Elite futbol, dan apparti l-ġid soċjali li jsir permezz tal-Grassroots Futbol.

 

Kienu d-diversi preżentazzjonijiet varji li ġew ippreżentati, fosthom futbol tan-nisa, futbol għall-persuni b’diżabilita’, futsal, programmi fi skejjel, is-sehem tal-helpers fil-Grassroots Futbol u l-Elite Futbol għaż-żgħażagħ u l-kowcis.

 

Tul din il-ġimgħa l-UEFA ħabbret ir-rebbieħa tal-Grassroots Day Awards, li għal din is-sena kienu d-dikjarati rebbieħa l-Olanda bl-Award tad-Deheb, fejn erba’ timijiet meqjusa bħala rivali fil-futbol tan-nisa f’reġjun fl-Olanda, warrbu kull pika u ngħaqdu biex iwasslu messaġġ ċar fejn il-futbol jgħaqqad u mhux jifred. It-tieni unur, dak fidda, ġie mirbuħ mill-Ungerija, filwaqt li fit-tielet post bl-unur tal-bronz spiċċaw it-Turkija.   

 

Il-pajjizi kollha ingħataw iċ-ċans li jippreżentaw xi proġett fil-grassroots futbol, bl-aktar tliet proġetti effettivi jingħataw dawn l-unuri. Għal din iċ-ċerimonja tat-tqassim tal-unuri kien mistieden il-leġġendarju plejer nazzjonali Taljan Gianni Rivera, li l-lum jokkupa l-kariga ta’  Direttur Tekniku taż-żgħażagħ fl-Italja.

 

Fid-diskors tiegħu qal li kien iffortunat li beda l-futbol wara t-tmiem tat-tieni Gwerra Dinjija, fejn il-futbol kien kollox għax ma kien hemm xejn x’itellfu. Hu fisser li dejjem kellu l-passjoni lejn il-logħba u dan kien wieħed mill-prinċipji li wasslu lejn is-suċċess fil-karriera tiegħu. Kien propju dan il-messaġġ li ried jibgħat lil miljuni ta’ tfal u żgħażagħ li jipprattikaw din il-logħba.

 

F’żewg sezzjonijiet ta’ prattika, wieħed ġewwa l-Ullevaal Stadium, fejn ipparteċipaw l-iskejjel tal-futbol ta’ Skedsmo FK, u FK Lyn, u sezzjoni oħra ġewwa l-iskola tal-futbol ta’ Heming,   il-parteċipanti kellhom l-opportunita li jaraw sezzjonijiet differenti ta’ taħriġ minn etajiet differenti, kif ukoll bil-parteċipazzjoni tat-tims tat-tfajliet, fejn fin-Norvegja tant qed isir progress kbir bin-numru ta’ tfajliet jilgħabu dejjem jikber.

 

Maltakellha l-unur tiġi mistiedna sabiex taqsam l-esperjenza tagħha fil-futbol tan-nisa. Maria Mifsud tkellmet f’isem Malta flimkien ma’ tliet pajjiżi oħra, il-Montenegro, l-Islanda u l-Belarus.

 

L-MFA flimkien ma’ dawn il pajjiżi  iddiskutew il-programmi tal-aħħar snin ta’ tisħiħ fil-futbol tan-nisa b’forma ta’ forum li kien immexxi minn Karen Espelund, membru fil-Kumitat tal-UEFA u responsabbli mill-futbol tan-nisa fl-Ewropa.

 

Fernando Hierro, Stig Inge Bjornebye u Ioan Lupescu, ex plejers ta’ fama u li illum qed jgħinu l-assocjazzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-Grassroots, ipprezentaw l-esperjenzi u l-opinjoni tagħhom dwar il-futur tal-futbol.

 

Ħaġa komuni li ħarġet kienet kif dawn il-plejers kollha ħarġu mill-Grassroots Futbol, għaddew minn żmien difficli biex sabu posthom fit-timijiet, iżda li b’sagrifiċċju, determinazzjoni u passjoni, irnexxielhom jaslu fejn waslu fil-qofol tal-karriera tagħhom, u fejn issa jridu jitrasmettu dawn l-esperjenzi u l-idejat, lil tant u tant tfal u żgħażagħ fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

 

Discussion Groups bil-parteċipanti jaqsmu l-opinjoni tagħhom dwar iċ-Charter prezenti tal-UEFA għall-Grassroots, kif ukoll il-ħsieb li minfloku tidhol sistema ta’ stilel bħalma diġa hemm f’xi pajjizi, ħalla lok għal aktar diskussjoni miftuħa għall- panel ta’ esperti preżenti li sal-aħħar ta’ din is-sena jridu jressqu draft finali ta’ tibdil, biex jiġi approvat mill-Eżekuttiv tal- UEFA   u mill- pajjiżi membri.

 

Dan kollu jġib miegħu lok ta’ aktar diskussjoni lokali u xi riformi f’dan is-settur hekk importanti, li bla dubju l-MFA qegħda tant tagħti importanza massima lejh. Kollox ma kollox kien jidher ukoll li kulħadd għandu problemi komuni, iżda li jvarjaw mid-daqs u l-qagħda ġeografika tal-pajjiż.

 

Is-sit elettroniku uefa.com intervista liż-żewg rapprezentanti Maltin bil-lingwa Maltija u dik Ingliża, biex aktar il-quddiem ikun jista’ jtella dawn l-intervisti dwar l-organiżazzjoni tal-finali tal UEFA ta’ taħt is-17 il-sena li se jsiru f’Malta f’Mejju 2014, kif ukoll dwar il-benefiċċji miksuba minn pajjiżi żgħar bħal Malta mic-Charter tal-Uefa.

 

Jista’ jingħad li kien hemm kummenti pożittivi għal Malta mill-UEFA u minn pajjiżi oħra għas-sehem li pajjiżna ta f’din l-attivita fin-Norveġja.

Official Sponsors
Commercial Partners